It-tfal fit-Tramuntana ta’ Gaza qed imutu bil-ġuħ.
Iddikjarat dan l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, il-WHO, fejn membri tagħha qalu li raw b’għajnejhom tfal imutu minħabba li ma sabux x’jieklu. Oħrajn jinsabu f’kundizzjoni serja ħafna.
Il-Hamas saħaq kif minn tal-inqas 15-il tifel ieħor miet bilgħatx, bin-nuqqas kbir ta’ fjuwil u prodotti mediċi, u l-isptarijiet imfarrka mill-militar Iżraeljan ukoll qed joħoloqu problemi kbar.
F’dawn l-inħawi tal-istrixxa ta’ Gaza hemm jgħixu mat-300,000 Palestinjan li m’għandhomx ikel u ilma nadif jew dak tajjeb għax-xorb.
Fil-fatt, il-WHO qed tistma’ li l-problema tal-ikel se tinfirex b’mod mgħaġġel ħafna u n-nies se jibdew imutu b’rata mgħaġġla.
L-aħħar ċifri uffiċjali juru kif aktar minn 30,500 Palestinjan, bil-maġġoranza tfal u nisa, inqatlu minn mindu beda il-konflitt f’Gaza.
Sadanittant, il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif hemm tama li fil-ġimgħat li ġejjin jaf ikun hemm qbil għal waqfien mill-ġlied, anke għall-bidu tax-xahar li fih il-musulmani jiċċelebraw ir-Ramadan.