Jumejn wara li kelliem għat-Taliban qal li se jkun qed jirrispetta d-drittijiet tan-nisa filwaqt li jimxi mal-liġi Iżlamika, bosta tfajliet u nisa għadhom imwerwra u inċerti dwar il-futur tagħhom.
Minkejja li fl-aħħar erbat ijiem mindu t-Talibani reġgħu ħatfu l-poter tal-Afganistan rajna xeni ta’ bniet jattendu l-iskola u preżentratriċi fuq it-televiżjoni, ħafna tfajliet xorta waħda jinsabu f’riskju.
Dan hekk kif qed jiġi rrappurtat li fiż-żoni rurali li kienu nħatfu mit-Taliban qabel il-Ħadd li għadda, diġà kien hemm żwiġijiet sfurzati, nisa mitluba jilbsu l-burka kif ukoll reġgħet daħlet fis-seħħ il-projbizzjoni li n-nisa ma jistgħux joħorġu mingħajr il-kumpanija ta’ raġel; filwaqt li bosta nisa ngħataw is-sensji jew saħansitra ġew ikkastigati.
F’rapporti oħra, qed jingħad illi t-Taliban qed jagħmilha diffiċli għall-Afgani sabiex jaslu sal-ajruporti. Minkejja li mal-4,500 suldat Amerikan qed jikkontrollaw l-ajruport ta’ Kabul, it-toroq li jagħtu għalih huma kkontrollati mit-Taliban. Afgani mingħajr dokumenti tal-ivvjaġġar mhux qed jitħallew jgħaddu, iżda anke dawk b’dokumenti validi qed isibuha diffiċli biex jaslu sal-mitjar bit-tama li jsibu ħajja aħjar ‘il barra minn pajjiżhom.