Illum bdiet tinstema’ x-xhieda fil-kumpilazzjoni b’rabta mal-allegat sekwestru ta’ tfajla ta’ sittax-il sena, liema tfajla llum tinsab nieqsa.
Ir-raġel ta’ tnejn u għoxrin sena mill-Ghana li huwa mixli b’dan is-sekwestru u traffikar ta’ droga wieġeb mhux ħati.
It-tfajla kienet instabet fuq bejt ta’ dar fil-Marsa wara rapporti t’għajjat ħierġa mid-dar.
Fil-Qorti xehdet is-support worker fi ħdan l-Appoġġ li kienet iżżomm kuntatt mat-tfajla li allegatament inħatfet mill-imputat.
Hija qalet li kienet irċeviet informazzjoni li t-tfajla kienet qed tiġi mhedda permezz ta’ messaġġi.
Meta x-xhieda staqsiet lil ħabib tat-tfajla fejn tinsab, huwa qal li din ġiet maħtufa, u ħadha fl-indirizz tal-imputat fil-Marsa.
Fil-kontroeżami x-xhieda sostniet li t-tfajla ilha taf l-imputat minn Novembru li għadda u kienet tibża’ minnu.
Fil-fatt, hija qalet li darba minnhom it-tfajla ġiet lura bi tbenġila f’għajnejha u qalet li għamilielha l-imputat.