F’Londra, it-tfajjel ta’ 12-il sena li kien fiċ-ċentru ta’ kwistjoni legali twila wara li sofra minn ħsara kbira f’moħħu f’inċident fid-dar tal-familja tiegħu, miet wara li tfewlu l-magni li kienu qed iżommuh ħaj.
Archie Battersbee kien ilu f’koma minn dak iż-żmien u qatt ma reġa’ ġie f’sensih. Kien qed jinżamm ħaj permezz ta’ taħlita ta’ interventi mediċi li kienu jinkludu l-ventilazzjoni u l-mediċini.
It-tobba li kienu qed jikkuraw lil Archie Battersbee fir-Royal London Hospital f’Whitechapel, fil-Lvant ta’ Londra, qalu li z-zokk enċefaliku ta’ moħħu kien miet u, għaldaqstant, ma kienx fl-aħjar interess tiegħu li t-trattament jissokta.
Għall-kuntrarju, il-ġenituri tiegħu Hollie Dance u Paul Battersbee riedu li l-ventilatur ma jintefiex. Il-ġenituri qalu li qalb binhom kienet għadha tħabbat u li, aktar kmieni din is-sena, kien saħansitra qabad idu ommu.
Qabel ma ntfewlu l-magni, Qorti kienet ċaħdet talba tal-familja ta’ Archie biex huwa jittieħed f’hospice. Barra minn hekk, il-familja tilfet battalja twila fuq it-twaqqif tal-kura meta l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem irrifjutat li tintervjeni.
“Nittamaw li l-ebda familja ma tgħaddi minn dak li għaddejna minnu. Huwa barbaru,” qal membru tal-familja lill-istampa.