It-tfaddil individwali li hawn fil-pajjiż jista’ jikkontribwixxi biex jitħaffef il-proċess sabiex pajjiżna jkun awtonomu fil-produzzjoni tal-enerġija. Fid-dawl ta’ dan, l-intermedjarji finanzjarji għandhom l-irwol li jiggwidaw lill-individwi u lill-kumpaniji biex jinvestu fi proġetti aktar ambjentalment sostenibbli.
Qalet dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, waqt li kienet qed tindirizza konferenza internazzjonali organizzata mill-Università ta’ Malta dwar in-negozju u l-ekonomija; konferenza li qed tiffoka fuq l-irwol tal-industrija tal-assigurazzjoni fit-tibdil fil-klima u s-sostenibilità.
Il-Ministru Dalli għamlet referenza għall-flus li hemm imġemma’ f’istituzzjonijiet finanzjarji Maltin, li jammontaw għas-somma rekord ta’ 25 biljun ewro. Żewġ terzi minnhom huma depożiti ta’ ċittadini Maltin.
Għalhekk, dawn il-flus, li minnhom in-nies qed jaqilgħu ftit li xejn interessi, jistgħu, minflok, jiġu investiti b’għaqal fi proġetti li jgħinu biex ikollna ambjent aktar sostenibbli.
Il-Ministru Dalli aċċennat għall-impenn tas-settur finanzjarju biex pajjiżna jimxi aktar ’il quddiem lejn is-sostenibilità.
Qalet, “Intermedjarji finanzjarji, inkluż ukoll insurers, nemmen li għandhom irwol importanti ħafna biex jgħinu, anke flimkien mal-Gvern, flimkien mal-privat, ħalli jiggwidaw sew lill-individwi u anke lill-kumpaniji jinvestu f’dawn li huma proġetti aktar ambjentalment sostenibbli.”
Illum, aktar minn qatt qabel, qed nifhmu dwar l-importanza li nkomplu nkunu proattivi fis-settur tal-enerġija. Fil-fatt, quddiem il-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, Malta qed tkompli tinvesti biex l-isfidi tibdilhom f’opportunitajiet u tħaffef aktar il-proċess tad-dekarbonizzazzjoni.
Għall-kuntrarju, hemm pajjiżi oħrajn li reġgħu marru lura għal riżorsi li jħammġu, bħall-faħam u ż-żejt, biex jiġġeneraw l-enerġija tagħhom.
Il-Ministru Dalli temmet tgħid li, permezz ta’ inċentivi fiskali, individwi u anke kumpaniji jkunu jista’ jagħmlu investiment ekoloġiku, fost l-oħrajn fi green bonds.
Qalet, “Il-Gvern tagħna, il-policy tiegħu hi li, minkejja dawn l-isfidi li għandna quddiemna, irridu li nħaffu l-pass biex imorru aktar lejn enerġija rinnovabbli u enerġija nadifa; u nemmen li dik hija t-triq ’il quddiem għal pajjiż bħal tagħna, fejn lanqas għandek ir-riżorsa naturali tal-enerġija li għandhom pajjiżi oħra fejn jidħol żejt, fejn jidħol gass, eċċetra. Nemmen li din hija t-triq ’il quddiem għalina biex ikollna awtonomija fejn tidħol il-produzzjoni tal-enerġija; allura anke jkollok dik li jsejħulha security of supply u naċċertaw ruħna li pajjiżna jkun miexi fit-triq tad-dekarbonizzazzjoni.”