Tabib li tħallielu l-wirt minn anzjan li kien iqisu bħal missieru se jitħalla jgawdi l-wirt.
Dan wara li l-Qorti semgħet liż-żewġ naħat hekk kif l-aħwa oġġezzjonaw għall-fatt li ħuhom ma ħalliex il-wirt lilhom.
Il-Qorti kkonkludiet li l-wirt tħalla lit-tabib, Jan Chircop, b’mod korrett hekk kif it-testment sar kif suppost.
Kienu l-aħwa Alberta u Joan Mangion li fetħu l-kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra t-tabib Chircop wara li miet ħuhom hekk kif saru jafu li l-wirt ma tħalliex lilhom wara li t-testment ta’ ħuhom Mario Mangion kien sar fl-2020.
Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Anna Felice semgħet liż-żewġ naħat fejn sostniet kif l-aħwa Mangion ma ressqu ebda provi u dak li qalu huma biss allegazzjonijiet.
Spjegat kif it-testment sar b’mod korrett u sar minn nutar pubbliku, skont dak li titlob il-liġi.
Kien għalhekk li fid-dawl ta’ dan il-Qorti qalet li ma kien hemm ebda ksur ta’ liġi u għalhekk qatgħet is-sentenza favur it-tabib Chircop.
Għat-tabib Chircop dehru l-Avukati Ann Marie Cutajar, Luke Dalli u Matthew Paris.