Kemm il-darba Bernard Grech jagħmel bħal Lawrence Gonzi u jtellaq waħdu għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, it-tesserati mhux se jkollhom l-opportunità li jivvutaw.
Innutat dan il-gazzetta Maltatoday hekk kif l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jisħaq li wara telfa elettorali, il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, elezzjoni li Bernard Grech mal-ewwel ikkundizzjonaha.
Dan hekk kif ftit tal-ħin wara li sar magħruf li l-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali, Bernard Grech għamel messaġġ fuq l-istazzjon tiegħu u qal li hu se jibqa’ għaliex skontu saħħaħ il-partit.
Bernard Grech irid ifittex il-konferma għal Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li ġarrab l-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Jekk ma joħroġ ħadd għan-nofs u Grech itellaq waħdu, ikunu biss madwar elf u sitt mitt membru tal-Kunsill Ġenerali li jivvutaw biex jagħtu l-konferma lil Bernard Grech biex jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan għal kuntrarju taż-żewġ elezzjonijiet preċedenti ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista fejn it-tesserati kellhom l-opportunità jagħżlu u jivvutaw fl-elezzjoni.
Sa issa, l-aħħar Kap ta’ partit li kien tellaq waħdu f’elezzjoni kien Lawrence Gonzi fi żmien l-inkwiet ma’ Franco Debono fl-2012.
Intant fil-jiem li għaddew, sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lil ONE News li d-Deputati tal-Blue Heroes eletti bħal Beppe Fenech Adami u Chris Said qed jaraw li l-ewwel jippruvaw jiġu eletti sħabhom oħra Blue Heroes fl-elezzjonijiet każwali qabel ma jimmuntaw triq fl-elezzjoni jew konferma ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Jason Azzopardi, il-perċimess tal-Blue Heroes u Karol Aquilina, ħu l-President tal-Għaqda Repubblika, tefgħu isimhom għall-elezzjonijiet każwali bit-tama li wara nhar it-Tlieta jsibu ruħhom fil-Parlament.
Il-Viċi Kap Robert Arrigo għadda botti lil Bernard Grech meta ħabbar li mhux se jikkontesta għall-ebda kariga oħra tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk mhux se jibqa’ Viċi Kap.
Arrigo, li saħaq li ġabar il-flus għall-kampanja elettorali iżda ma kien involut xejn fl-istess kampanja, saħaq li jrid iġorr ir-responsabilità bħala Viċi Kap anki jekk il-Kap innifsu jidher li jrid jibqa’ għaddej minkejja anki appelli minn osservaturi politiċi biex jerfa’ r-responsabilità tal-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta indipendenti.