Aktar minn 80% tal-Maltin jemmnu li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni ikbar biex tindirizza l-isfida tat-terroriżmu.
Dan skont stħarrig tal-ewrobarometru speċjali tal-Parlament Ewropew.
Fost il-Maltin li wieġbu għall-istħarriġ, 87% jemmnu li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu iżjed miżuri biex tindirizza l-isfida tat-terroriżmu, 5% qalu li kollox għandu jibqa’ kif inhu , 5% oħra tal-Maltin qalu li l-Unjoni Ewropea għandha tnaqqas l-involviment tagħha u 3% ma jafux.
L-istħarriġ iffoka fuq il-perċezzjonijiet u l-aspettattivi li għandhom l-Ewropej fir-rigward tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropej, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-klawżola dwar id-difiża reċiproka.
L-Ewropej iħossu li l-ħidma tal-Unjoni Ewropea f’oqsma li huma ta’ thassib mhijiex biżżejjed tant li esprimew x-xewqa li l-Unjoni Ewropea tkun izjed preżenti minn qatt qabel.
Tliet miżuri li l-Ewropej jemmnu li huma l-aktar urġenti biex ikun miġġieled it-terroriżmu huma l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tal-gruppi terroristici, il-ġlieda kontra l-kawzi tat-terrorizmu u r-radikalizzazzjoni u l-kontroll msaħħaħ tal-fruntieri esterni.
Dwar il-migrazzjoni, 87% tal-Maltin qalu li l-Unjoni Ewropea trid tieħu iżjed azzjoni.
Kwistjoni oħra ta’ tħassib kienet il-qgħad. 79% tal-Maltin wieġbu li l-Unjoni Ewropea għandha taħdem iżjed biex tkun indirizzata, 12% qalu li l-ħidma li qed issir hija biżżejjed, u 3% qalu li l-Unjoni Ewropea għandha tkun inqas preżenti f’dan il-qasam.