Il-konkos li jżomm il-pont taċ-Ċirkewwa u li minn fuqu jgħaddu eluf ta’ passiġġieri li jaqsmu l-fliegu, ddeterjora u jrid jinbidel.
Dan 6 snin biss mindu Gvern Nazzjonalista tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, inawgura dan it-terminal.
Terminal li sewa mal-għaxar miljun ewro minn fondi Ewropej u li tlesta eżatt qabel l-elezzjoni tal-2013.
Ikkonkludiet dan kumpanija Ingliża tal-inġinerija bl-isem CTP Consulting wara li ġiet kkummissjonata minn Transport Malta sabiex tispezzjona u tagħmel rapport fuq il-kundizzjoni ta’ dan il-konkos.
Il-gazzetta the Times kwotat sorsi li jgħidu kif ir-rapport inbeda wara li ħaddiema fit-terminal taċ-Ċirkewwa bdew jinnotaw biċċiet kbar tal-konkos li waqgħu minn taħt il-pont.
Ir-rapport tekniku jgħid ukoll li minkejja li l-pont kulma ilu biss 6 snin li nbena, il-konkos diġà qed juri sinjali sew ta’ deterjorazzjoni bi xquq kbar li jista’ jkun ta’ periklu għal dawk kollha li jaqsmu minn fuq dan il-pont.
Testijiet ikkonkludew ukoll li l-konkrit li ntuża sabiex jinbnew il-kolonni li fuqhom jinżamm dan il-pont huwa ta’ kwalità inferjuri sew għal dak li ntuża fil-bqija tal-istruttura.
Transport Malta għamlet kuntatt ukoll mal-kuntrattur Charles Polidano ċ-Ċaqnu li kien responsabbli mill-proġett fl-2012 f’tentattiv li tinstab soluzzjoni għal din il-problema.
L-awtoritajiet ssottomettew ukoll ittra ġudizzjarja kontra l-kuntrattur, l-perit u l-project manager.
Din ma hijiex l-ewwel darba li l-Awtoritajiet Maltin kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ proġetti infrastrutturali kbar difettużi li nbnew taħt Gonzi PN.
Fl-2014 sar magħruf il-konkos difettuż f’Mater Dei fi żmien meta Gvern Laburista kien beda bi pjanijiet sabiex jibni żewġ sulari fuq l-emerġenza sabiex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Konkos li biex jitranġa kien hemm bżonn spiża ta’ €150 miljun mit-taxxi tal-poplu.
Gvern Nazzjonalista kien ffirma rinunzja biex il-kumpanija Skanska li bniet l-Isptar Mater Dei ma tkunx responsabbli għad-difetti li setgħu jinqalgħu fil-bini ta’ Mater Dei.