It-tenur Joseph Calleja ukoll spiċċa fil-mira tal-grupp tas-soċjetà ċivili li jaħdem bl-appoġġ tal-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil.
Il-Ġimgħa filgħaxija t-tenur ta’ fama internazzjonali spiċċa kritikat għax bħala ambaxxatur kulturali ta’ pajjiżna mar ikanta f’avveniment f’Londra li kien organizzat minn Henley & Partners. Is-sehem ta’ Calleja kien maħsub biex jesponi t-talent Malti. Iżda, dan xejn ma niżel tajjeb ma’ dawk li minn meta mietet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed jeħel kulħadd magħhom.
Bil-ġentilezza kollha Calleja waqaf jitkellem ma’ dawk li kienu qed jipprotestaw u qalilhom li ma jistax ikun ambaxxatur kulturali meta jaqbillu biss.
Lil Calleja qalulu li ried jinsulta l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien hemm min qallu li bħal Ġuda biegħ lil pajjiżna għal 40 biċċa fidda. Xi ħadd ieħor qallu li n-nuqqas ta’ integrità tiegħu ma tistax tkun ikkumpensata. Xi ħadd ieħor qallu li hu “ruthless”. Li spikka l-iktar li l-maġġoranza ta’ dawn il-kummenti kienu ġejjin minn persuni anonimi li ma rħewlu xejn mill-kundanna tagħhom.
Huma kienu qed jirreaġixxu għall-kummenti tiegħu fuq Twitter fejn qal li għalaq il-kunċert ta’ Henley & Partners b’talba mir-Requiem ta’ Verdi ddedikata lil Daphne Caruana Galizia. Qal ukoll li d-dħul tiegħu minn dan il-kunċert għaddih lill-karità. Naturalment kien hemm nies li apprezzaw is-sens ta’ diplomazija ta’ Calleja u kkummentaw f’dan is-sens.
Il-persuni li kkundannaw l-għażliet ta’ Calleja kienu qegħdin jipprostestaw kontra l-bejgħ ta’ ċittadinanza b’investiment. Programm li ġab investiment enormi lejn pajjiżna u nies ta’ kwalità li għażlu wkoll li jibdew negozju f’Malta.