“Ma kinitx faċli. Kien hemm mumenti meta bkejt. Kien hemm mumenti meta ridt inneħħi ħajti b’idejja.”
Lejlet il-jum dinji għat-temtim, il-preżentatur Malti Ivan Gaffiero tkellem dwar il-vjaġġ xejn faċli li għadda minnu sa minn meta kien tifel ċkejken. Meta kien diġà jaf li ried karriera pubblika, iżda kien ukoll konxju li t-temtim seta’ jkun ta’ impediment għal dak li xtaq.
Mad-daqqa t’għajn, meta wieħed jarah fuq il-palk jew jisimgħu fuq ir-radju, forsi dak li jkun ma jindunax, iżda Ivan ħadna lura għal żmien meta kien isibha diffiċli biex ilissen kelma.
Spjega li “Meta kelli disa’ snin f’jum minnhom f’salt wieħed bdejt intemtem jiġifieri quddiem in-nies hekk u tipo x’kienet di. Qisa’ xokk li tipprova toħroġ il-kliem u ma tistax. Kienet naqa panic kemm għalija u kemm għan-nies li kienu qegħdin miegħi. Tipo x’ġaralu t-tifel pereżempju. Ehe kienet il-kundizzjoni tat-temtim.”Tkellem dwar l-aktar esperjenza qarsa li għadda minnha fiż-żogħżija tiegħu.
Gaffiero qal li “Meta kont għadni ċgħir fl-eta’ ta’ 17-il sena kont bgħatt applikazzjoni bħala opportunitá bħala preżentatur fuq wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni u radju u ma għażlunix.”
Din l-esperjenza ma qatatlux qalbu milli jkompli jiġġieled għal dak li minn dejjem ried, u għaldaqstant beda jħares lejn il-ħajja minn lenti iktar posittiva.
Huwa jgħid li l-kura għat-temtim sabha billi żamm kalm u fittex is-skiet; u kellu dan l-appell għall-qraba ta’ dawk bil-kundizzjoni bħal tiegħu.
Spjega kif “Aċċetta dak li għandek fil-ħajja ġadd ma hu perfett pero jien nemmen maż-żmien partikolarment dawk li għandhom it-tfal b’din il-kundizzjoni. It-tfal ħa jaslu.”