Fil-jiem li ġejjin pajjiżna mistenni jesperjenza temperaturi għoljin, fejn qed ikun imbassar li t-temperaturi massimi ta’ kuljum se jkun bejn is-sitta u tletin grad Celsius u s-sebgħa u tletin grad Celsius.
Għal dan il-għan, fi stqarrija, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ta pariri lill-pubbliku dwar l-importanza li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex kulħadd jieħu ħsieb saħtu.
Fost dawn il-prekawzjonijiet hemm li wieħed ma joqgħodx fis-sħana billi jevita li jkun barra waqt l-eqqel perjodi tas-sħana, bejn il-ħdax ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ waranofsinhar.
Appell ieħor kien dak biex il-pubbliku jżomm frisk, joqgħod f’kamra bl-ajra kkundizzjonata, jixrob ħafna ilma u jilbsu ħwejjeġ ħfief.
Dan filwaqt li ntqal li qatt ma għandu jitħalla ħadd, b’mod partikolari trabi, tfal żgħar jew l-annimali, ġo vetturi magħluqa u pparkjati.
Intqal li temperaturi għoljin jikkawżaw telf ta’ ilma mill-ġisem b’rati mgħaġġla u jista’ jwassal għal deidratazzjoni.
L-awtoritajiet tas-saħħa sostnew li s-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd. Madankollu, ċerti persuni għandhom riskju akbar ta’ ħsara serja, fosthom l-anzjani speċjalment dawk ta’ aktar minn ħamsa u sebgħin sena, trabi u tfal żgħar, persuni b’mard kroniku bħal kundizzjonijiet respiratorji, nies bi problemi ta’ saħħa mentali u ħaddiema li jaħdmu fuq barra.
L-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin javżaw lill-membri tal-pubbliku biex jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom mill-effetti tas-sħana u biex jieħdu parir mediku fuq 21231231 jew iċemplu fuq in-numru 112, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bħal heatstroke.
Irrakkomandat ukoll li wieħed jara kif jinsabu l-qraba, il-ġirien u l-ħbieb anzjani tagħhom, b’mod speċjali jekk jgħixu waħedhom.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit beattheheat.gov.mt.