Il-mewġa tas-sħana f’Malta qed tkompli tippersisti u issa qed tiddomina ċ-ċentru tal-Mediterran bit-temperatura tinħass mill-inqas daqs tnejn u erbgħin gradi Celsius.
Dan ħareġ minn tbassir mill-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn intqal li l-ogħla temperaturi saħansitra se jilħqu l-wieħed u erbgħin gradi Celsius fil-jiem li ġejjin.
It-temperaturi mhux mistennija jerġgħu jonqsu u joqorbu l-medja qabel nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla, fejn it-temperatura mbagħad mistennija tonqos b’madwar sitt gradi għal sitta u tletin grad Celsius.
ONE News żar l-Uffiċju Metereoloġiku biex jistħarreġ iktar dwar din is-sitwazzjoni. Patrick Zerafa, uffiċjal tat-temp, spjegalna li l-pressjoni għolja li għaddejja minn fuq il-gżejjer Maltin ġejja mill-Afrika.
“L-iktar li ġejja fuq in-naħa tas-Sahara tiela’ fuqna u ilha ħafna din il-pressjoni għolja, ilha żmien tippersisti fuqna. Issa meta jkollok arja ta’ pressjoni għolja jfisser li għandek massa ta’ arja li qed timbotta ’l isfel u jekk hi sħuna immaġina allura ħa tkompli tkabbar din it-temperatura għolja.”
Patrick Zerafa li huwa uffiċjal tat-temp
Tkellem ukoll dwar it-twissija ħamra li l-uffiċċju joħroġ ma’ kull rapport tat-temp meta t-temperatura taqbeż ċertu grad. Zerafa qal li l-uffiċċju għandu tliet twissijiet li kulħadd għandu joqgħod attent għalihom.
“Aħna għandna tliet gradi ta’ twissijiet. Waħda li tkun safra qisha t-temperatura tibda minn 30 sa 35. Dak li jkun għandu joqgħod attent, imbagħad minn 35 sa 37 ibda pprepara ruħek u issa bħalissa ħu azzjoni jiġifieri f’dawn it-temperaturi oqgħod attent jekk jista’ jkun ixrob ħafna ilma, toqgħodx barra dawk il-ħinijiet l-iktar persistenti tax-xemx.”
Patrick Zerafa li huwa uffiċjal tat-temp
Ir-rekord tal-ogħla temperatura f’Malta hu ta’ 43.8 grad Celsius li ġie rreġistrat erbgħa u għoxrin sena ilu fid-9 ta’ Awwissu tal-1999.
Il-Mediterran ilu milqut minn sħana rekord minn nhar il-Ġimgħa li għadda fejn, fost oħrajn, il-gżejjer Taljani ta’ Sardinja u Sqallija jirreġistraw temperaturi saħansitra ta’ 48.8 gradi Celsius.
Il-Ministru tas-Saħħa Taljan ħeġġeġ lin-nies biex joqogħdu attenti meta jkunu qegħdin iżuru postijiet turistiċi. Huwa qal li persuna għandha toqgħod fid-dell u tevita xemx diretta bejn il-ħdax ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija.
Pumpieri f’għadd ta’ pajjiżi, inkluż f’Malta, fl-aħħar jiem kellhom jissieltu ma’ nirien qawwija li ħakmu partijiet tal-Greċja u l-Canary Islands. Bħal Spanja u l-Italja, fejn inħarġu twissijiet ta’ sħana u kien rakkomandat li lanqas isiru attivitajiet sportivi, l-Uffiċċju Meteoroloġiku Malti llum wissa kontra t-temperaturi li qed jiżdiedu f’pajjiżna.
Nhar it-Tlieta, pajpijiet tal-plastik industrijali u tajers li kienu maħżunin qrib il-Kumpless Sportiv tal-Marsa ħadu n-nar bil-konsegwenza li kkawżaw daħna enormi li kienet viżibbli minn diversi nħawi tal-pajjiż.
Ix-xjenzati qed jgħidu li t-tibdil fil-klima qed jikkawża perjodi itwal u aktar frekwenti ta’ sħana intensiva.
L-entità intergovernattiva dwar it-tibdil fil-klima fi ħdan il-Ġnus Magħquda identifikat ħames theddidiet ewlenin għal din il-mewġa ta’ sħana, fosthom il-bajjiet, il-frott tal-baħar u partijiet tan-Nofsinhar tal-Ewropa, it-Tramuntana tal-Afrika u l-Punent tal-Asja.
L-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) ukoll wissiet li l-mewġa ta’ sħana se ssir aktar qawwija fis-snin li ġejjin, u li temperaturi estremi jenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar azzjoni klimatika.