Is-sħana estrema kkawżata minn antiċiklun, li laqtet lill-Ewropa fl-aħħar jiem, mistennija tkompli sal-aħħar tax-xahar, għalkemm hemm indikazzjonijiet li t-temperaturi se jtaffu xi ftit mill-qilla tagħhom.
Diversi bliet madwar l-Ewropa komplew jesperjenzaw sħana estrema, inkluż dawk ġirien tagħna bħall-Italja, hekk kif il-pressa ta’ arja għolja fformata minn antiċiklun, imsemmi Cereberus, għadha tiela’ mill-Afrika ta’ Fuq.
It-temperaturi qed jilħqu l-40 grad Celsius f’għadd ta’ reġjuni u mhux eskluż li qed jiġi mbassar li aktarx jintlaħaq rekord ġdid f’dan ir-rigward. Ir-rekord attwali fil-kontinent Ewropew hu ta’ 48.8 grad Celsius, li ntlaħaq fl-2021, skont l-Aġenzija Spazjali Ewropea.
Madwar id-dinja, diġà nqabeż ir-rekord tal-ogħla temperatura li kien intlaħaq fl-1940.
Awtoritajiet madwar l-Ewropa, inkluż dawk Maltin, qed iwissu dwar il-perikli ta’ temp estrem simili u ħeġġew lill-popli rispettivi tagħhom biex jixorbu ħafna ilma u jevitaw li joqogħodu għal ħinijiet twal fix-xemx, speċjalment bejn il-ħdax u s-sagħtejn ta’ waranofsinhar.