L-operazzjoni tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jintfew in-nirien kbar li lbieraħ ħakmu l-fabbrika tat-Twistees, f’Santa Venera, intemmet kompletament ftit wara l-11.30 ta’ dalgħodu, wara li 12-il siegħa qabel in-nar kien intefa’ f’operazzjoni delikata.
F’kumment ma’ ONE News, Kevin Pace, Uffiċjal għoli tal-Protezzjoni Ċivili responsabbli mill-assistenza u s-salvataġġ, qal li f’mumenti minnhom it-temperatura tan-nar fuq ġewwa bdiet timmarka 350°C fuq l-apparat termali.
Pace spjegalna li l-ewwel il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili bdew ibaxxu t-temperatura qabel ma daħlu biex jitfu n-nar.
Is-Sur Pace tkellem dwar kif, matul il-lejl, ħidmet il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ma waqfitx, hekk kif baqgħu jsegwu l-bini u jneħħu kull perklu li jerġa’ jitkebbes in-nar minħabba l-ammont ta’ sħana li jkun għad hemm ġewwa.
Il-ħaddiema telqu minn fuq il-post ftit aktar minn 19-il siegħa wara li sar ir-rapport dwar il-ħruq, wara li assiguraw li ma għadx hemm periklu.