Il-maltemp li għamel fuq pajjiżna fl-aħħar jiem qed iwassal biex ir-riċerka fuq l-għasafar permezz tal-insib tkun aħjar.
Hekk qalilna l-President tal-Federezzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, Lucas Micallef li spjega kif minħabba dan it-temp, il-migrazzjoni tal-għasafar qabdet sew: “Jidher li anke b’dan it-temp li qed jagħmel, il-migrazzjoni qed taqbad mhux ħażin u nistennew li jkun hemm iktar għasafar u nixtiequ li jkollhom ukoll ċrieket xjentifiċi sabiex inkunu nistgħu ngħidu li bħas-sena l-oħra, is-sena preċedenti, ir-riċerka tkun waħda valida u pożittiva.”
Lucas Micallef spjegalna kif l-FKNK torbot lin-nassab mar-regolatur b’ħidma tul l-istaġun ta’ riċerka tal-insib kollu wara l-ftuħ tiegħu fl-għoxrin ta’ Ottubru.
Spjega kif hemm proċess sħiħ ta’ kif in-nassab jieħu nota ta’ kull għasfur li jinqabad qabel dawn jerġgħu jintelqu: “Dan meta jaqbad għasfur, meta jkollu ċurkett, irid jieħu nota tan-numru taċ-ċurkett, jikteb dan in-numru wkoll, u jiġu ffilmjati l-għasafar li ma jkollhomx ċurkett u qed jintelqu lura. L-istess ukoll hemm sistema ta’ freephone fejn in-nassab irid iċempel lir-regolatur biex jgħid jekk qabadx xi għasafar jew le.”