Is-sena l-oħra, it-temp f’pajjiżna kien ikkaratterizzat minn temp sħun u iżjed xott min-norma klimatika.
Dan ħareġ minn stqarrija tal-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn tkejlu 3,020 siegħa xemxija, b’temperaturi ogħla mill-medja mmarkaw kważi s-sena kollha.
F’din l-istqarrija ntqal li Lulju li għadda kien l-aktar sħun fl-istorja, fejn fiha kien hemm mewġa ta’ sħana għal għaxart ijiem, bl-ogħla temperatura kienet ta’ 42.7°C.
F’dan il-perjodu nħarġu twissijiet minn dan l-uffiċċju minħabba t-temperaturi estrimi viċin l-40°C. Dan it-temp estrem ikkawża fost l-oħrajn ħsarat fid-distribuzzjoni tal-elettriku, li ħalla bosta familji mingħajr elettriku għal xi ħin.
L-aħħar xhur tas-sena kien hemm temperaturi ogħla mill-medja, waqt li Frar tas-sena l-oħra kien l-aktar xahar kiesaħ u kien l-unika wieħed li rreġistra temperatura inqas min-norma klimatika.
Is-sena ta’ xita, jiġifieri minn Settembru tal-2022 u Awwissu tas-sena l-oħra kienet ftit iżjed imxarrba min-norma hekk kif matulha tkejlu 544.8mm xita.