Il-migrazzjoni hi t-tema prinċipali li qed jiddiskutu l-mexxejja Ewropej, inkluż il-Prim Ministru Malti, Robert Abela, waqt is-summit tal-Kunsill Ewropew, li qed isir fi Brussell.
Rapporti fil-midja internazzjonali qalu li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen bagħtet ittra lill-mexxejja fejn qaltilhom li l-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tressaq liġijiet biex jiġu deportati aktar immigranti mill-Unjoni Ewropea.
Rapporti fil-midja internazzjonali rrapportaw ukoll li d-d-diskussjoni dwar dan is-suġġett kienet waħda taħraq, minħabba li hemm pożizzjonijiet differenti bejn il-mexxejja Ewropej.
Malta ilha timbotta biex is-suġġett ikun diskuss f’fora internazzjonali għal diversi snin, b’mod partikolari aktar riċenti mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu. Iżda dan is-suġġett spiċċa wieħed ta’ sfida akbar għall-kontinent Ewropew mindu bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna fi Frar tal-2022.
Qabel beda dan is-summit importanti saret laqgħa bejn numru ta’ pajjiżi Ewropej dwar l-immigrazzjoni. Fost il-mexxejja li ħadu sehem f’din l-istess laqgħa kien hemm il-Prim Ministru Malti.
Din il-laqgħa ġiet organizzata mill-Italja, id-Danimarka u l-Olanda u, flimkien ma’ Dr Abela, ħadu sehem ukoll il-mexxejja tal-Awstrija, Ċipru, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġreċja, l-Ungerija, is-Slovakkja u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.
Fil-bidu tas-summit kien hemm il-President Ukren Volodymr Zelensky, li ppreżenta lill-mexxejja Ewropej dak li ddeskriva bħala l-pjan biex jirbaħ lir-Russja.