“Ser tibqa’ mfakkar għad-delizzju tiegħek tal-fotografija u r-ritratti sbieħ li kont tieħu. Aħbar li qatt ma kont nistenna. Kont nitgħaxxaq bir-ritratti li kont tieħu u l-messaġġi ta’ inspirazzjoni li kont tikteb ta’ kull filgħodu. Tlifna ħabib.”
Dawn huma wħud mill-messaġġi li tħallew fuq il-profil tas-sit soċjali ta’ Facebook ta’ Jason Muscat. Fotografu Malti, li kien maħbub minn ħafna kemm għall-karattru tiegħu u kif ukoll għax-xogħol ta’ fotografija li kien jieħu.
Hekk kif tidħol fuq il-profil ta’ Jason l-ewwel li tinnota huwa ritratt artistiku filwaqt hekk kif tniżżel ftit l-isfel tara baħar ta’ messaġġi akkumpanjati ma’ ritratti mingħand ħbieb u nies li kienu jammiraw xogħol dan l-artist Malti.
Delettant tal-festi Maltin u kif iddeskrivit minn persuni li jafuh, Jason “qatt ma kien jitlef ċans biex jieħu ritratt… kont tarah dejjem bil-kamera f’idu.”
Bosta minn sħabu espremew id-dieqa li qed iħossu hekk kif aħbar bħal din ħalliethom ixxukjati wara li Jason ħallihom “ħabta u sabta” bl-aħħar messaġġ ta’ ispirazzjoni fuq il-profil tiegħu miktub minnu jkun:
“Għożż il-kuntentizza li għandek; xi ħaġa li taħdem favur saħħtek. Qatt tpoġġi l-kuntentizza tiegħek lejn l-aħħar, minħabba persuna, post jew xi ħaġa. Kull minuta tal-ħajja hi importanti… Bonġu nies, gawdu dan il-jum.”
Il-funeral ta’ Jason se jsir għada, il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru, fit-8:30 ta’ filgħodu ġewwa l-Knisja Parrokjali tal-Gudja