L-istatistika turi li waqt li erbgħa u tmenin fil-mija wieġbu li dawn għandhom jibqgħu, ħmistax fil-mija qalu li dawn għandhom jitneħħew.
L-istudju ġie ppreżentat waqt il-bidu ta’ konsultazzjoni dwar il-valuri tal-komunikazzjoni fis-soċjetà mtella’ mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, b’kollaborazzjoni mal-Bord tal-Litteriżmu tal-Midja.
Mill-istudju, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna juri ukoll li tlieta u tletin fil-mija wieġbu li l-midja indipendenti għandha l-aġenda tagħha.
Dan filwaqt li aktar minn tletin fil-mija qalu li l-midja indipendenti tgħid li hi indipendenti biex taħbi lejn fejn ixaqleb.
Wieħed u għoxrin fil-mija tal-poplu jemmen li l-midja indipendenti hija oġġettiva u newtrali filwaqt li inqas min ħmistax fil-mija jgħidu li l-midja indipendenti iġġib flimkien perspettivi differenti.
L-akbar faxxa li temmen li kulħadd għandu l-aġenda tiegħu hija dik ta’ bejn is-sittax u l-ħamsa u għoxrin sena, waqt li dawk li għandhom bejn sitta u għoxrin sena u ħamsa u tletin sena huma l-inqas li jemmnu li l-midja indipendenti hija oġġetiva u newtrali.
Mill-banda l-oħra, dawk ta’ bejn is-16 u l-25 sena huma l-iżjed li jemmnu li l-midja indipendenti hija oġġettiva u newtrali.
L-istudju juri wkoll li t-televiżjoni huwa l-iktar mezz li jintuża biex wieħed isegwi l-aħbarjiet.
Isegwi warajh huma l-mobile, il-komputer, ir-radju u l-gazzetta.
L-istħarriġ sar fost sitt mitt persuna u l-kampjun kien rappreżentattiv u jirrifletti d-demografija tal-pajjiż skont l-età, is-sess u d-distrett.
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li din il-konferenza tat xhieda tas-sabiħ ta’ demokrazija li tiffunzjona għaliex tlaqqagħna ma’ firxa ta’ fehmiet u ideat differenti.
Qal, “Dan hu proċess biex f’pajjiżna politika dwar il-litteriżmu fil-midja, kif fl-aħħar mill-aħħar jeżistu f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u aħna konformi ma’ dak kollu li nagħmlu din il-ħidma biex b’hekk inkunu aktar effettivi u niggarantixxu l-libertà tal-espressjoni.”