Tlieta u sebgħin fil-mija ta’ persuni lokali, li ħadu sehem fi stħarriġ tal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni, l-MCA, għandhom mill-inqas żewġ settijiet tat-televiżjoni jew aktar. Dan filwaqt li sitta u għoxrin fil-mija ta’ dawk li pparteċipaw għandhom sett wieħed, u b’wieħed fil-mija jgħidu li m’għandhom l-ebda televiżjoni fid-dar.
Waqt li dan baqa’ jixhed il-popolarità li t-televiżjoni għandu bħala komodità fid-djar tal-familji, l-istħarriġ juri kif iċ-ċittadini wkoll baqgħu javvanzaw mal-iżviluppi teknoloġiċi fejn jidħlu settijiet moderni.
Waqt li n-numru ta’ dawk li għandhom it-televiżjoni fid-dar baqa’ stabbli u b’saħħtu, anke meta wieħed iqabblu ma’ stħarriġ simili li sar mill-Awtorità tliet snin ilu, ġie nnotat issa kif il-maġġoranza assoluta ta’ erbgħa u sebgħin fil-mija għandhom iżjed settijiet Smart TV.
Dan apparti li, skont dawk li pparteċipaw fl-isħarriġ t’issa u dak fl-2020, jidher biċ-ċar li l-Maltin u l-Għawdxin qegħdin jinvestu f’settijiet tat-televiżjoni aktar moderni u ta’ kwalità ogħla.
Meta wieħed jagħti ħarsa lejn kif il-Maltin u l-Għawdxin jaċċessaw il-kontenut fuq it-televixin tagħhom, kważi kollha jew disgħa u disgħin fil-mija qalu li għandhom abbonament ma’ waħda miż-żewġ kumpaniji lokali li toffri s-servizz ta’ pakkett ta’ stazzjonijiet lokali u internazzjonali. Il-maġġoranza assoluta tagħhom ukoll qalu li m’għandhom l-ebda intenzjoni li jwaqqfuh fit-tnax-il xahar li ġej.
Aktar minn tliet kwarti ta’ dawk intervistati qalu li jaraw it-televiżjoni b’mod regolari.
L-aħbarijiet jibqa’ l-aktar kontenut segwit minn dawk li rrispondew li għandhom abbonament, b’erbgħa u tletin fil-mija, segwiti minn dawk li jaraw programmi oħrajn televiżivi. Huma biss sittax fil-mija ta’ dawk li rrispondew għal dan l-isħarriġ li jaraw l-iżjed l-isports.
Tmienja u sittin fil-mija ta’ dawk li jħallsu abbonament qalu li jaraw l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin.
Meta mistoqsija dwar il-ħlas għas-servizz, numru konsiderevoli ta’ dawk li rrispondew qalu li ma jafux kemm jiswiehom, minħabba li l-abbonament tat-televiżjoni jagħmel parti minn pakkett ikbar ta’ servizzi. Dan filwaqt li erbgħin fil-mija stqarrew li s-servizz ma jqisuhx għoli, iżda lanqas irħis.
L-isħarriġ wera wkoll kif aktar minn sebgħin fil-mija ta’ dawk li rrispondew qalu li huma sodisfatti jew sodisfatti ħafna bis-servizz mogħti.
L-isħarriġ innota wkoll li erbgħin fil-mija ta’ dawk li għandhom abbonament qegħdin jikkunsidraw li jkollhom Android Box, bir-raġunijiet primarji jkunu li din toffri aktar stazzjonijiet u hi orħos meta mqabbla mal-abbonament tradizzjonali lokali.