Mijiet ta’ sigħat ta’ tħejjijiet raw l-installazjoni ta’ ‘l fuq minn 1.7 kilometri ta’ cables, 200 socket u 200 sett tat-telefon minn GO bħala tħejjija għall-maratona ta’ ġbir ta’ fondi għall- Istrina ta’ din is-sena.
Minn xhur qabel, GO kellha tim sħiħ ta’ nies tekniċi mħejjija minn xhur qabel sabiex tiżgura li għal darb’oħra, minn aspett tekniku, din il-maratona terġa’ timxi ħarir. Nhar l-Istrina fil-fatt, 20 peruna teknika kienu fuq stand-by fuq is-sett ta’ l-Istrina kif ukoll fiċ-ċentru tekniku ta’ GO sabiex jieħdu ħsieb it-teknikalitajiet kollha li tirrikjedi attività ta’ dan il-kobor.
“L-infrastruttura teknika li tirrikkjedi attività bħall-Istrina hija waħda kumplikata ħafna iżda bħala waħda mill-iżjed kumpaniji ta’ telekomunikazzjoni li ilha stabbilita f’Malta, aħna kburin li għal darb’oħra, it-teknoloġija tagħna reġgħet kienet ta’ kontribut sabiex tgħaqqad lill-pajjiż kollu fuq livell teknoloġiku,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ GO Nikhil Patil.
“Li kieku kellna nikkwantifikaw il-valur ta’ dan ix-xogħol kollu li GO twettaq għal Istrina f’termini ta’ loġistika, nies tekniċi u teknoloġija użata, iċ-ċifra taqbeż il-kwart ta’ miljun ewro. U hawnhekk m’aħniex qed ngħoddu l-ispejjeż tat-telefonati u l-messaġġi mibgħuta li tagħhom, GO ma’ titlob l-ebda ħlas,” żied qal Nikhil Patil.
Minbarra l-infrastruttura kollha għall-Istrina, GO għal darb’oħra din is-sena kkumplimentat il-kontribut tagħha b’donazzjoni fi flus ta’ €70,000 b’riżq l-Istrina.
“Hija esperjenza tassew unika meta tara li l-infrastruttura li tkun ilek tinvesti fiha għal dawn l-aħħar 44 sena tkun l-istess infrastruttura li mhux biss tibqa’ tgħaqqad lin-nies ma’ dak li verament huwa importanti għalihom iżda wkoll tkompli tgħaqqad nazzjon biex għal jum wieħed fis-sena, titwassal għajnuna lil min hu fil-bżonn,” temm is-sur Nikhil Patil.