Il-korteo bit-tebut tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni, fi vjaġġ li ħa madwar sitt sigħat mill-Kastell Balmoral, wasal fil-Palazz ta’ Holyroodhouse f’Edinburgh. It-tebut se jibqa’ f’dan il-palazz matul il-lejl u mbgħad it-Tnejn wara nofsinhar jittieħed lejn il-Katidral ta’ St Giles.
Hemmhekk, il-pubbliku għandu 24 siegħa żmien sabiex iżur it-tebut u jagħti l-aħħar tislima lill-memorja tar-Reġina.
It-tebut, mgħotti b’bandiera tar-Royal Standard of Scotland, kien milqugħ minn ulied ir-Reġina: Il-Prinċipessa Anne u l-Prinċpijiet Andrew u Edward qabel ma ddaħħal fil-Palazz. Ilkoll taw tislima ta’ rispett lejn it-tebut t’ommhom.
Il-korteo funebri tar-Reġina ntlaqa’ b’ċapċip kbir hekk kif folol kbar ta’ nies inġabru mat-toroq li għadda minnhom sabiex jaraw l-aħħar vjaġġ tar-Reġina. Bosta tefgħu fjuri lejn il-karozza li fiha kien qed jinġarr it-tebut.
Nhar it-Tlieta t-tebut se jkun qed jittieħed lejn Londra b’ajruplan biex minn nhar il-Erbgħa l-pubbliku jkun jista’ jsellem lir-Reġina fis-Sala Westminister.
Il-mewt tar-Reġina Eliżabetta għaqqad ukoll flimkien liż-żewġt aħwa, William u Harry flimkien man-nisa tagħhom wara żmien ta’ inċertezzi. Huma l-erbgħa sellmu lin-nies li nġabru quddiem il-Kastell Windsor.
Il-funeral tar-Reġina se jsir f’Westminister Abbey nhar it-Tnejn 19 ta’ Settembru. Dakinhar, fir-Renju Unit, se tkun festa pubblika.
Ritratt: Alkis Konstantinidis/Pool/Reuters