Ġie ppubblikat it-testment spirtwali tal-Papa, fejn fost l-oħra qal kif il-qabar tiegħu meta jmut għandu jkun wieħed sempliċi u fuqu jkun hemm miktub biss, “Franġisku”.
Huwa qal ukoll kif jixtieq li l-vjaġġ finali tiegħu fid-dinja jintemm proprju f’Santa Marija Maġġuri, “fejn dejjem kont nieqaf nitlob fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull Vjaġġ Appostoliku”.
Fit-testment Franġisku qal li l-ispiża tal-preparazzjoni tad-difna se tkun koperta minn somma mogħtija minn benefattur, li ħa ħsieb li tiġi trasferita lill-Bażilika Papali ta’ Santa Marija Maġġuri. “Tajt l-istruzzjonijiet meħtieġa rigward dan lill-Kardinal Rolandas Makrickas, Kummissarju Straordinarju tal-Bażilika Liberjana.”
Jalla l-Mulej jagħti premju xieraq lil dawk kollha li ħabbewni u li jibqgħu jitolbu għalija. It-tbatija li mmarkat l-aħħar parti ta’ ħajti, noffriha lill-Mulej għall-paċi fid-dinja u għall-fraternità fost il-popli.