Nhar is-Sibt 16 ta’ Frar, is-Soċjetà Filarmonika Leone (A.D. 1863) se terġa tiftaħ il-bibien tat-Teatru tal-opra tagħha bħala ċinema wara diversi deċenji.
Fis-snin bikrin tal-operat tat-Teatru tal-Opra Aurora, dan kien il-post f’Għawdex fejn wieħed seta jara l-aqwa titli fiċ-ċinematografija tas-snin sebgħin u tmenin. Bosta jiftakru l-memorji ta’ tfulithom f’dan it-Teatru-Ċinema, fejn bażikament kien il-post soċjali ewlieni fejn wieħed kien jiltaqa’. Kien hemm żminijiet fejn kien ikun hemm film ta’ kull jum, anke matul il-ġimgħa.
Sabiex jiġġeddu dawn il-memorji, is-Soċjetà Filarmonika Leone se tkun qed turi għal darba waħda biss il-film klassiku u ta’ suċċess ‘Saturday Night Fever (1977) li infatti kien muri fit-Teatru tal-Opra Aurora fl-ewwel snin tal-operat tiegħu. Dan il-film, li kien ta’ suċċess kummerċjali kbir, jinvolvi l-parteċipazzjoni tal-atturi popolari John Travolta u Karen Gorney, bis-soundtracks tal-Bee Gees.
Dan l-avveniment se jkun bla ħlas, u b’first-come-first-served basis. Il-Film, li jtul 120 minuta, jibda’ fis-7:00pm, bil-bibien tat-Teatru Aurora jinfetħu fis-6:45pm. Dan l-avveniment huwa bis-sapport tal-Ministeru għal Għawdex u parti mill-programm t’attivitajiet #inħobbok organizzati mill-Ministeru għal Għawdex u Visit Gozo.