Għall-għaxar anniversarju mill-ftuħ tat-Teatru Rjal, il-kalendarju ta’ din is-sena huwa mżewwaq sew b’attivitajiet kulturali tal-ogħla livell.
Fit-tnedija tal-kalendarju kulturali, iċ-Chairman ta’ Pjazza Teatru Rjal, Joseph Cassar, qal li matul is-snin Teatru Rjal sar sinonimu għal produzzjonijiet tal-ogħla livell, b’artisti mill-aqwa kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali.
Qal li dan it-teatru laqa’ fih bosta proġetti u attivitajiet kulturali fosthom il-Queen Tribute Concert u l-Għanja tal-Poplu. Qal ukoll li dan it-teatru ra wkoll diversi wċuh differenti, bi wħud minnhom anke ta’ fama mondjali fosthom 2CELLOS u diversi rappreżentazzjonijiet mill-aqwa mill-Malta Philarmonic Orchestra.
Semma kif dan it-teatru mhux biss magħruf għall-attivitajiet li jsiru fix-xhur sajfin imma anke għax-xhur xitwin, u qal li fix-xhur li ġejjin, flimkien mal-Malta Philharmonic Orchestra, se jesploraw postijiet lil hinn mit-teatru biex b’hekk dawn l-attivitajiet kulturali jilħqu lil kulħadd.
Id-Direttur ta’ Pjazza Teatru Rjal, Chris Muscat, spjega li din is-sena l-programm kulturali jirrifletti l-okkażjoni speċjali li dan it-teatru se jkun qed jiċċelebra.
Semma kif fix-xhur li ġejjin se jkunu qed isiru attivitajiet fosthom kunċert mill-grupp mużikali Olandiż The Dutch Eagles, kunċert mill-isbaħ bis-sehem ta’ artisti Maltin, kunċert b’mużika flamenco, u anke serata b’mużika Taljana.
Dawn huma ftit biss mill-bosta attivitajiet li din is-sena se jkun imżewwaq bihom il-kalendarju kulturali
Muscat irrimarka, “Għandna diversi kunċerti mill-Malta Concert Orchestra li hija l-orkestra ta’ Pjazza Teatru Rjal fost l-oħrajn għanda musicals Maltin, l-appuntament anwali tal-Għanja tal-Poplu u din is-sena wieħed mill-kunċerti l-aktar mistennija se jkun il-kunċert Notte Italiana bil-parteċipazzjoni tal-ikona popolari Taljana Pupo. Għandna kunċerti oħrajn ta’ natura diversa.”
Kull min hu interessat li jattendi għal xi waħda mill-attivitajiet li se jkunu qed isiru din is-sena jista’ jżur pjazzateatrurjal.mt u jara l-kalendarju għal aktar dettalji.