Fl-aħħar tmiem il-ġimgħa t’Awwissu, it-Teatru Rjal se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu għal avveniment kemmxejn differenti mis-soltu, bl-isem ta’ ‘Rum and Rock ’n’ Roll’. Dan l-ispettaklu mużikali qed jiġi organizzat minn CenterStage taħt id-direzzjoni tal-kantanta u l-preżentatriċi Tiziana Calleja.
‘Rum and Rock ’n’ Roll’ jieħu l-udjenza fuq vjaġġ fl-istorja tal-mużika sa minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, bis-sehem ta’ ħmistax-il kantant akkumpanjati minn band lokali.
Waqt li l-ewwel nofs tal-ispettaklu se jikkonċentra fuq mużika ta’ qabel il-Gwerra, it-tieni parti ddur fuq il-mużika li ġiet wara, kif spjega ma’ ONE News, Maestro Joe Brown, li se jkun qed imexxi il-band tiegħu.
“Fil-bidu se nagħmlu dak swing, Glenn Miller ta’ wara l-gwerra eżatt u anke qabel il-gwerra dak l-istil tal-big band, issa imbagħad se naqilbu l-era tal-rock and roll mill-ħamsinijiet ’l hemm, fejn hemm aktar artisti popolari u anke diski popolari, fejn se jkun hemm taħlita sabiħa ħafna.”
Tiziana Calleja ħeġġet lill-pubbliku biex fit-30 ta’ Awwissu jattendu għal dan l-avveniment differenti mis-soltu, u min irid jista’ jilbes kostum biex ikompli mat-tema tar-rock ’n’ roll.
“Qed inħeġġu lill-udjenza biex fit-30 ta’ Awwissu, għal ġurnata waħda biss, lejl wieħed biss, se jkun fi Pjazza Teatru r-Rjal il-Belt Valletta, intom tistgħu tiġu hemmhekk bil-kostum tkantaw magħna… persważa li se tkantaw magħna.”
Biljetti għall-ispettaklu jistgħu jinkisbu mis-sit showshappening.com.
Kitba ta’ Dasier Damato