Żfin, kant, reċtar u kull tip ta’ espressjoni artistika oħra.
Dawn kollha ser ikunu mniżżlin fil-kalendarju tat-Teatru Manoel għall-istaġun teatrali li jmiss.
Dan il-ġojjell ta’ patrimonju Malti ser itella’ s-separju nhar id-29 ta’ Ottubru bi produzzjoni tislima lill-Professur Oliver Friggieri.
Tkellimna ma’ Massimo Zammit, il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru li spjegalna x’hemm lest għall-pubbliku.
Qal, “Ħa jkollna programm diversifikat fejn ħa jkollna ġimgħa fejn ħa jollna opera week, ħa jkollna erba’ prestazzjonijiet ta’ opra f’ġimgħa waħda, għandna play bil-Malti, ‘Ir-Raġel li ħawwad lil martu ma’ kappell’ li hija traduzzjoni ta’ Oliver Sacks, għandna wkoll żfin fejn Moveo ħa jagħmlu Frida. Għandna programm mimli daqs bajda li ħa jibqa’ għaddej sa Lulju u ħa nagħlqu jekk Alla jrid bil-musical Sweeney Todd.”
Dan il-programm diversifikat ser igawdi minn xogħlijiet ġodda li saru fit-teatru.
Fost oħrajn ġiet inawgurata l-faċċata tat-teatru li għal dawn l-aħħar għaxar snin kienet qed tiġi restawrata bi spiża ta’ seba’ mitt elf ewro.
Dan filwaqt li l-artisti ser jagħmlu użu minn palk rinovat u l-pubbliku se jpaxxi għajnejh b’linfa ġdida minn Venezja.
Il-Ministru għall-Arti u l-Kultura José Herrera sostna li dan it-teatru issa reġa’ lura fil-glorja maestuża tiegħu iżda dawn ix-xogħlijiet mhumiex ser jiefqu.
Spjega, “Sa nibnu concert hall li se jifforma parti minn dan it-teatru. Mhux nibnu iġifieri, għandna binja antika tal-epoka barokka u se tiġi konvertita f’concert hall. Huma parti mill-kumpless ta’ dan it-teatru. Mill-aspett leġislattiv hemm il-ħsieb li ssir liġi li tiddikjara illi dan it-teatru huwa t-teatru nazzjonali ta’ pajjiżna.”
Permezz ta’ din il-leġislazzjoni, tintefa’ lenti fuq dan it-teatru u xogħlu.