It-Teatru Manoel qed jospita l-opra mużikali bl-isem ta’ ‘Into the Woods’, taħt id-direzzjoni ta’ Lucienne Camilleri u bi produzzjoni ddisinjata minn Matthew Cassar. Id-direzzjoni mużikali hi ta’ Ryan Paul Abela.
Bi grupp t’atturi rinomati fix-xena teatrali lokali, din il-produzzjoni għandha lok tkun waħda indimentikabbli għall-ispettaturi li se jattendu u jsegwuha.
‘Into the Woods’ hu musical li rebaħ diversi premjijiet sa minn meta ttella’ għall-ewwel darba fl-1987.
L-istorja tgħaqqad il-plott ta’ diversi stejjer tal-aħwa Grimm, b’karattri ewlenin meħudin minn ‘Little Red Riding Hood’, ‘Jack and the Beanstalk’, ‘Rapunzel’, ‘Cinderella’, u ħafna oħrajn.
ONE News żar l-aħħar tħejjijiet li kienu qed isiru għal din l-opra mużikali fejn tkellem ma’ Noel Zarb, li magħna qasam wieħed x’għandu jistenna mill-ispettaklu.
“Hija biċċa xogħol fejn tispikka l-mużika sabiħa u aħna ovvjament bl-orkestra live tapprezzaha iktar. Imbagħad, flimkien mal-cast ta’ kantanti, atturi u żeffiena, li dawn in-noti minn fuq il-karta nwassluhom għal fuq il-palk biex nallegraw lil min se jkun qed jiġi.”
“Jekk inti tapprezza l-arti Maltija, jekk tapprezza t-talent Malti, jekk tapprezza t-teatru, m’għandek l-ebda għażla ħlief li tiġi tara dan il-musical.”
Attur, Noel Zarb
Dan l-ispettaklu se jittella’ bejn id-9 u t-18 ta’ Mejju, waqt li, għall-biljetti, wieħed jista’ jiksibhom direttament minn fuq is-sit uffiċjali teatrumanoel.com.