Żmien il-Milied huwa marbut ħafna mal-pantomimi, waħda minnhom kienet issir ta’ kull sena fit-Teatru Manoel, iżda minħabba l-imxijja tal-Covid-19, din mhijiex se ssir. Minkejja dan, it-Teatru Manoel se jkun qiegħed itella’ erba’ produzzjonijiet marbutin ma’ żmien il-Milied filwaqt li jassigura s-sigurtà ta’ min jattendi b’diversi prekawzjonijiet kontra l-Covid-19.
Fost il-produzzjonijiet li se jittellgħu f’dawn iż-żminijiet hemm interpretazzjoni tad-dramm famuż ‘A Christmas Carol’ u kunċert mill-Valletta International Baroque Ensemble.
Meta żorna l-provi għal dawn il-produzzjonijiet, id-Direttur Artistiku tat- Teatru Manoel, Kenneth Zammit Tabona spjega kif dawn l-ispettakli qegħdin hemm biex iferrħu lil dawk kollha li ta’ kull sena jattendu l-pantomima tal-istess teatru. Qal ukoll li l-artisti jaraw dawn il-produzzjonijiet bħala raġġ ta’ tama biex ikompli bix-xogħol artistiku tagħhom wara diversi xhur mingħajr ebda mod kif juru t-talenti tagħhom.
Zammit Tabona stqarr, “Għamilna xi ħaġa oħra immaġinattiva. Hemm erba’ affarjiet li qed jimpjegaw artisti Maltin li ħafna minnhom kienu bla xogħol u għalhekk żammejna t-teatru miftuħ. Dejjem noqgħodu attenti biex nagħmlu kollox kif suppost kemm f’sanitizers u distanza soċjali u dawn il-produzzjonijiet huma kollha siguri.”
Id-Direttur Artistiku sostna li dawn il-produzzjonijiet huma mportanti, speċjalment għal dawk li jaraw il-Milied bħala żmien ta’ solitudni.
Hu tenna, “Qed nippruvaw kemm jista’ jkun nipprovdu ambjent sigur u spettaklu għal kulħadd, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ ferħ imma anke ta’ dieqa għal uħud.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ Teatru Manoel, Massimo Zammit saħaq li huma preparati biex jerġgħu jilqgħu diversi produzzjonijiet mingħajr ebda xkiel.
“Qed inħarsu ‘l quddiem speċjalment bl-aħbar li l-vaċċin qiegħed fit-triq biex malli jgħaddi dal-perjodu noħorġu mill-Covid bil-pjan tagħna biex nibdew mill-ewwel bil-kbir.” Temm jgħid Zammit Tabona.