Fl-aħħar jiem innotajna bosta binjiet madwar il-pajjiż mdawwlin blu, vjola, u aħdar; kuluri li jissimbolizzaw mard rari u li permezz tagħhom intweriet solidarjetà.
Proprju, il-blu jissimbolizza l-Myalgic Encephalomyelitis (ME) u il-Chronic Fatigue Syndrome. Il-vjola jfakkar fil-Fibromyalgia u l-aħdar fil-Multiple Chemical Sensitivity.
Iżda lil’hinn mill-ilwien vivaċi, l-aktar li laqatna kien messaġġ fuq Facebook ta’ persuna milquta bl-ewwel kundizzjoni (ME).
Fil-jum dedikat għal Myalgic Encephalomyelitis, Denise Vella, li fil-jiem li ġejjin tagħlaq 25 sena, irrikorriet għal Facebook biex f’messaġġ qasir tfisser l-isfidi li kellha taffaċċja minn meta ħakmitha l-kundizzjoni.
Tibda billi tfakkar f’meta kienet iżgħar;
“Kont atleta b’sahhti, dixxiplinata u determinata! Tifla kompetittiva, ambizzjuza u kunfidenti!”
Iżda llum ħajjitha inqelbet ta’ taħt fuq. Minn rutina t’ezerċizzju kuljum, illum sular taraġ ukoll ikiddha, tant li d-dar tuża lift apposta. Hija tispjega kif il-kundizzjoni tagħha m’imminatx biss saħħitha, iżda naqqsitha mill-isbaħ żmien ta’ żgħożitha. Dan bil-konsegwenza li tkun frustrata mhux biss magħha nfisha, iżda man-nies u d-dinja ta’ madwarha.
Dinja li kultant tagħmlilha ħajjitha aktar diffiċli milli diġà hi. Dak li aħna nagħmlu bla ħsieb, Denise tqatta’ sigħat tħejji għalih kemm fiżikament, u kif ukoll mentalment.
“Biex noħrog ftit ma’ sħabi, irrid nagħmel ċert li l-post ikun aċċessibli u addattat għalija. Iżda sfortunatament, ġieli lanqas dan ma jkun biżżejjed, hekk kif lift out of order kapaċi jħassar il-pjanijiet daqs tazza ilma!”
Għar minn hekk, Denise tfakkar ġrajja li tesponi l-għar elementi tas-soċjetà Maltija. Kien proprju ftit tal-ġimgħat ilu meta fi stabbiliment partikolari kellha tagħmel użu minn toilet komuni għaliex dak b’aktar aċċessibiltà kien magħluq.
“Lil’hinn mill-iżvantaġġ tas-sitwazzjoni, sakemm dħalt u ħriġt is-siġġu tar-roti li ħallejt wara l-bieb għosfor”.
Għalkemm ma jirriflettix il-qalb solidali tal-poplu Malti, ċertament li dan l-incident juri kemm hawn min kapaċi jkun kiefer!
Huwa proprju għalhekk li għandu jkompli jitkattar l-għarfien dwar l-M.E. u kundizzjonijiet oħra, tappella Denise.
“Għalkemm persuna tidher kuntenta, ma jfissirx li tkun tajba! Għalkemm persuna tidħaq, ma jfissirx li mhux qed tbati! Fuq kollox, għalkemm persuna għandha l-M.E., ma jfissirx li m’għandhiex potenzjal!”
“Veru li m’għadnix l-atleta b’saħħitha li kont, iżda ċertament li għadni dixxiplinata, kompetittiva, u determinata! Għad baqali t-tama!”, ittemm Denise.
Kienu bosta dawk li fuq Facebook ikkummentaw u tennew l-ammirazzjoni tagħhom lejn il-perseveranza ta’ Denise. Lil’hinn mill-mezzi soċjali, Denise hija xempju ħaj għalina lkoll biex napprezzaw saħħitna, u ma naqtgħu qalbna qatt!
Ara l-messagg originali ta’ Denise Vella hawn taht:
Din l-intervista kienet ippublikata fil-ħarġa tal-KullĦadd ta’ dalgħodu.