L-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jiċċelebra l-Jum Dinji tal-Meteoroloġija billi jitfa’ dawl fuq l-importanza dejjem tiżdied tat-tbassir tat-temp għal diversi industriji, kif ukoll ir-responsabbiltà tat-tim li jżomm l-abitanti ta’ pajjiż sħiħ siguri u informati meta l-Gżejjer jintlaqtu mill-maltemp.
It-tbassir tat-temp avvanza ġmielu minn mindu beda jopera għall-ewwel darba l-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta, hekk kif rajnieh jevolvi mit-tpinġijiet fuq il-mapep u kalkoli bla tmiem, għal mudelli diġitali ta’ riżoluzzjoni għolja.
Fil-bidu, l-Uffiċċju Meteoroloġiku seta’ biss jipprovdi tbassir għal tul ta’ 3 ijiem. Avvanzi fit-teknoloġija flimkien ma’ investimenti f’tagħmir ġdid u iktar sigħat ta’ taħriġ, eventwalment bdew jippermettu lill-bassara tat-temp jipprovdu tbassir ta’ 7 ijiem.
Il-5 bassara tat-temp fl-Uffiċċju Meteoroloġiku, iġifieri kważi nofs il-membri tat-tim li huwa magħmul minn 12-il persuna, b’mod regolari jaġġornaw it-tbassir ta’ 3 ijiem għall-baħrin b’informazzjoni relatata ma’ kundizzjonijiet tat-temp, bħall-moviment tal-mewġ u l-istat tal-baħar, sabiex javżaw persuni li jkunu qed jivvjaġġaw bil-baħar dwar perikli li jistgħu jaffettwawhom.
Ladarba l-industrija tal- avjazzjoni tiddependi ħafna fuq it-temp ukoll, tim ta’ 5 osservaturi tat-temp fi ħdan l-Uffiċċju Meteoroloġiku javża lil diversi setturi tal-industrija, inkluż bdoti, kumpaniji tal-ajru u ground-handlers, rigward il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-mitjar, biex b’hekk jassiguraw li l-operat tal-kumpaniji tal-ajru jibqa’ effiċjenti u l-iskedi tat-titjiriet jiġu osservati, filwaqt li jibqgħu jinżammu l-livelli għoljin ta’ sigurtà fl-ajruport. L-informazzjoni dettaljata dwar it-temp, li tinġabar minn diversi lokalitajiet madwar il-Gżejjer Maltin, tippermetti lil Amministratur tas-Sistemi Meteoroloġiċi biex kull xahar iħejji rapport tat-temp, li l-pubbliku jkun jista’ jaċċessa minn fuq is-sit tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Minkejja l-fatt li l-Gżejjer jibqgħu magħrufin għat-temp sħun u xemxi li jgawdu prattikament matul is- sena kollha, il-pajjiż intlaqat minn maltemp pjuttost qawwi f’dawn l-aħħar snin. Is-sena l-oħra kienet l- iktar sena tempestuża fir-rekords meteoroloġiċi, b’16-il maltempata bir-ragħad irreġistrati f’Ottubru 2018, li wasslu lix-xahar biex isir l-iktar xahar bir-ragħad li qatt ġie osservat mill-Uffiċċju Meteoroloġiku.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Uffiċċju Meteoroloġiku, bħala l-uniku fornitur ta’ servizzi tat- temp għal Malta, huwa responsabbli għall-ħruġ ta’ avviżi li jgħarrfu lill-pubbliku, lill-baħrin u lis- servizzi ta’ emerġenza dwar maltemp qawwi jew ta’ periklu, li jista’ jikkawża dannu madwar il-pajjiż. Il-kuluri li jiġu allokati lil kull avviż tat-temp huma isfar, ambra u aħmar. Iktar ma jiħmar il-kulur, iktar ma jiżdied l-impatt tal-maltemp u l-probabilità li jikkawża l-ħsara u t-tfixkil.
Allura x’temp għandna nistennew fix-xhur li ġejjin? Hekk kif fl-eqqel tas-sajf, l-iktar f’Lulju u f’Awwissu, qed naraw iktar ħalbiet tax-xita jinżlu fuq il-Gżejjer, inqas xita qed tiġi rreġistrata fix-xhur tax-xitwa li, b’kuntrast, qed isiru iktar xemxin u pjaċevoli. Filwaqt li m’għandniex nistennew borra fix- xitwa, minħabba l-fatt li l-Gżejjer Maltin imdawrin bil-baħar li jibqa’ relattivament sħun matul is-sena kollha, kien hemm ċirkostanzi fejn niżlet il-borra fuq il-pajjiż. Madankollu, hi u nieżla, il-borra takkumula partiċelli tal-ilma, u sakemm tasal fl-art tinbidel f’silġ artab, li ġie osservat l-aħħar fuq il- Gżejjer Maltin lejlet l-Ewwel tas-Sena fl-2014.
X’inhu l-Jum Dinji tal-Meteoroloġija?
Il-Jum Dinji tal-Meteoroloġija jiġi ċċelebrat kull sena nhar it-23 ta’ Marzu, biex ifakkar it-twaqqif tal- Oganizzazzjoni Dinjija tal-Meteoroloġija (WMO), li hija aġenzija speċjalizzata tal-Ġnus Magħquda, fl- istess jum fl-1950. Dan il-jum jitfa’ dawl fuq il-kontribut kruċjali tas-Servizzi Nazzjonali tal- Meteoroloġija u tal-Idroloġija lejn is-sigurtà u l-benessri tas-soċjetà. It-tema magħżula għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Jum Dinji tal-Meteoroloġija hija “Ix-Xemx, id-Dinja u t-Temp”.