‘San Barnabaw, l-għajn ħażina tmur minn hawn’ , ‘San Pietru ta’ Ruma jekk hawn l-għajn reġġagħha lura’. Dan huwa dak li kien jingħad dari, fost oħrajn, waqt rit ta’ tbaħħir fi djar meta kien ikun hemm suspett li daħlet l-għajn.
Ġeneralment, it-tbaħħir kien isir minn fuq s’isfel, u minn ġewwa għal barra sat-taraġ tal-bejt. Il-bieb ta’ barra, u xi bieb ta’ xi bitħa fuq wara, kienu jinżammu miftuħa. Kienu jduru kull erba rkejjen tal-kmamar tad-dar u saħansitra isir tbaħħir taħt is-sodod u kullimkien. Kien isir kontra l-għajn billi jinħaraq il-weraq taż-żebbuġ u r-rand, f’xi taġen qadim jew xi landa tal-kunserva u kien jingħad il-Kredu. It-tbaħħir kien jibda eżatt malli jibda ħiereġ id-duħħan u jintefa. Ġieli kienu jitfgħu xi ponn melħ jew ras ta’ tewma. Meta ż-żebbuġ kien idum ma jaqbad kienu jaħsbu li veru kienet tkun daħlet l-għajn.
Imma llum it-tbaħħir fid-djar għadu jitqies bħala superstizzjoni? Għadu jsir t-tbaħħir fi djar kontra l-gwaj?
Tkellimna ma’ Jane Chircop li għada tbaħħar fi djar tan-nies. Qaltilna li llum jintuża l-inċens biex jibbilanċja l-enerġiji u l-inċensur li jitfa d-duħħan. Jintuża wkoll l-ilma mbierek u r-ross li llum jintefa wara l-għamara biex iġib il-prosperita’. Kultant jintuża wkoll l-ilma baħar, u anki l-melħ, sabiex ineħħi u joqtol l-enerġiji negattivi. Ix-xemgħat li jintużaw jirriflettu d-dawl u saħansitra jibbilanċjaw l-atmosfera.
Chircop spjegatilna wkoll li ġieli ltaqgħet ma’ każijiet fejn djar ma jinbiegħu qatt minħabba enerġiji negattivi li jkunu jħaddnu. Qaltilna li ġieli ltaqgħet ma’ nies li jkunu xtraw oġġetti antiki , li jkunu qed iġorru fihom emozzjonijiet negattivi imma ma jkunux konxji ta’dan il-fatt.
Lil Jane Chircop tlabniha tgħidilna kif isir it-tbaħħir fid-djar illum.
‘Illum it-tbaħħir isir bl-inċens,isir iktar professjonali però xorta hemm il-bażi tal-antik għax id-duħħan huwa l-iktar ħaġa biex jaħraq in-negattività, jintuża wkoll iż-żebbuġ, ir-rand, però llum jeżistu affarijiet, bħal l-inċens li nġibuh minn Oman, l-inċens li kienu ħadu t-tliet Slaten Maġi, għax hemm jikber naturali u huwa tajjeb ħafna, jikklirja ħafna l-enerġiji, fil-fatt hemmhekk għandhom it-tradizzjoni filgħodu u filgħaxija, ibaħru l-kmamar kuljum u l-uffiċini tagħhom. Nużaw l-ilma mbierek u s-salib għax jien fejn immur ma nafx x’negattivitajiet hemm, nilbes il-kuruna wkoll u nixegħlu x-xemgħat bħal ma jsir fir-ritwal tal-Knisja.’