Għat-tielet sena konsekuttiva, Real Madrid huma r-rebbieħa taċ-Champions League.Dan hekk kif is-Sibt filgħaxija fi Kiev, it-tim Spanjol għeleb lil dak Ingliż ta’ Liverpool bl-iskor ta’ tlieta b’wieħed.
Kien Benzema li fetaħ l-iskor fil-51 minuta hekk kif il-goaler ta’ Liverpool Karius tefa l-ballun f’saqajn il-Franċiż. Erba minuti wara, Mane ġab id-dro għal Liverpool u reġa qawwa l-qlub tal-partitarji tat-tim Ingliż. Biex imbagħad fl-erbgħa u sittin minuta, Bale skurja b’rabuxxata u reġa poġġa lil Madrileni fil-vantaġġ.
U kien l-istess Bale li seba minuti qabel tmiem il-logħba ssiġġilla r-rebħa, hekk kif ixxuttja minn sebgħa u għoxrin metru ‘l barra mil-lasta, b’Karius jagħmel żball ieħor u ma jżommx il-ballun. B’dir-rebħa, Real Madrid rebħu l-kompetizzjoni taċ-Champions League għat-tlettax-il darba minn sittax-il darba li waslu sal-finali.
Dan filwaqt li din kienet it-tmien darba li Liverpool waslu sal-finali, fejn rebħu ħamsa minnhom, bl-aħħar waħda tkun fl-2005.