Li l-Prim Ministru Joseph Muscat mexxa l-aktar Gvern kompetenti fil-qasam ekonomiku fl-istorja Maltija hu fatt magħruf u rispettat minn dawk kollha ta’ rieda tajba. Iżda li għandna Kap tal-Oppożizzjoni li mhux biss hu inkompetenti, imma perikoluż għall-qagħda finanzjarja tal-familji tagħna hi realtà li ħarġet fid-dieher matul din il-kampanja elettorali.
Ħarsa ħafifa lejn il-proposti ta’ Joseph Muscat u Simon Busuttil dwar it-taxxa tad-dħul twassal għal konklużjoni inekwivoka. Joseph Muscat jassigura ġustizzja u mobilità soċjali. Simon Busuttil iġib diviżjoni u rigress. Mal-Prim Ministru Muscat tgawdi l-kotra. Ma’ Busuttil igawdu dawk bi dħul għoli, waqt li ż-żgħir jibqa’ b’xejn. Politika b’viżjoni biex kulħadd jimxi ’l quddiem, kontra politika li ddaħħalna ġol-ħajt. Minn miraklu ekonomiku taħt Joseph Muscat, għall-falliment totali taħt Simon Busuttil. Fuq kollox, Joseph Muscat iżomm kelmtu, waqt li Simon Busuttil idawwar fehemtu aktar minn pinnur fi grigalata.
Jekk qatt kien hemm dubju dwar il-kredenzjali ekonomiċi tal-kap tal-Oppożizzjoni, il-fatti segwenti huma l-akbar xhieda li lil Simon Busuttil ma tistax tafdah Prim Ministru.
Ma’ Muscat igawdu aktar
Id-differenza netta bejn iż-żewġ mexxejja hi waħda msejsa fuq il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Muscat irid iqassam is-surplus ma’ kulħadd, l-aktar ma’ dawk bl-inqas dħul, waqt li Busuttil irid iberbaq il-ġid li ħoloq Gvern Laburista fuq dawk li jaqilgħu l-aktar, b’dawk li jaqilgħu l-inqas minsija għalkollox.
Jekk nieħdu koppja miżżewġa li b’kollox taqla’ anqas minn €13,000, b’Joseph Muscat Prim Ministru din tieħu €340. Ma’ Simon Busuttil jibqgħu b’xejn. Busuttil jagħżel li jħalli 70,000 ħaddiem li huma l-aktar fil-bżonn b’xejn biex minflok iroxx il-flus fuq dawk li huma komdi. B’hekk, waqt li ma’ Joseph Muscat igawdu 190,000 minn kull faxxa tas-soċjetà, Busuttil jaħseb f’120,000 billi jeskludi għalkollox il-familji bl-anqas dħul.
Fil-każ ta’ familja ta’ ġenituri li t-tnejn jaqilgħu paga medja ta’ €16,000, taħt Joseph Muscat jingħataw rifużjoni ta’ €600, €70 aktar minn dak li qed joffri Busuttil. B’hekk, familja bi dħul medju se tgawdi aktar bi Gvern immexxi minn Joseph Muscat. Tant li għal kull €1 li qed iwiegħed Busuttil, Joseph Muscat se jagħti €1.15. Għaliex kif għamel fl-aħħar 4 snin, Joseph Muscat iżomm kelmtu magħna, għall-kuntrarju ta’ Busuttil li jfalli fl-iktar kalkoli bażiċi.
Eżempju ċar ta’ kemm Simon Busuttil huwa kontra l-ġustizzja soċjali hija l-wegħda tiegħu lil dawk li jaqilgħu €20,000. Lil dawn, Busuttil irid jagħtihom €1,800 iżda għal dawk bil-paga minima m’għandux lanqas ċenteżmu. B’kuxjenza soċjali, Joseph Muscat jaħseb f’kulħadd b’mod ġust, biex dawk li jaqilgħu l-inqas jieħdu l-akbar benefiċċji. Għall-kuntrarju, bil-fatti Simon Busuttil irid ireġġa’ l-arloġġ lura biex jerġa’ jdaħħal il-firda bejn il-familji Maltin u Għawdxin.
Dan kollu jkompli joħroġ biċ-ċar mill-kalkoli ta’ Busuttil stess. Bi kliem fieragħ, Simon Busuttil iwiegħed €44 miljun lil 120,000 ħaddiem. Fil-fatt jirriżulta li bil-wegħda ta’ Busuttil, €32 miljun imorru għand 30,000 bi dħul bejn €15,000 u €20,000. Fi kliem ieħor, Busuttil jagħti tliet kwarti tal-flus lill-kwart tal-ħaddiema milquta bil-wegħda tiegħu.
Eżempju ċar tal-politika Nazzjonalista li tagħti l-ħafna lill-ftit waqt li tinsa liż-żgħir. Kuntrast qawwi mal-politika ta’ Joseph Muscat li tqassam il-ġid b’mod ekwu u ġust.
Għaliex ma’ Joseph Muscat igawdu l-ħaddiema kollha, inkluż dawk li ma jikkwalifikawx biex iħallsu t-taxxa, waqt li ma’ Simon Busuttil 70,000 ħaddiem ma jieħdu xejn u 90,000 jaqsmu biss il-kwart li jibqa’.
Din hi d-differenza bejn Prim Ministru progressiv u Kap tal-Oppożizzjoni rigressiv. Mhux politika rettorika iżda fatti li joħorġu mill-wegħdi ta’ Busuttil stess. Prim Ministru mnebbaħ mill-prinċipju soċjalist tal-ġustizzja soċjali, biex min jaqla’ l-inqas jieħu l-aktar, kontra Kap tal-Oppożizzjoni li wera kemm l-uniku interess tiegħu hu li jixtri l-voti ta’ dawk bi dħul medju jew għoli waqt li jħalli l-ħaddiem iż-żgħir jaqdef għal rasu.
Jekk dan ma kienx biżżejjed, Simon Busuttil reġa’ wera l-inkompetenza tiegħu fil-qasam ekonomiku. Inkompetenza grassa li toħroġ mill-fatt li Busuttil ibbaża l-kalkoli tiegħu fuq dawk fuq komputazzjoni singola, waqt li nesa għalkollox li jeżistu żewġ tipi oħra ta’ tax bands: il-miżżewġin u l-ġenituri. Jew nesa, jew agħar minn hekk, ried iqarraq b’dawn tal-aħħar għall-gwadann politiku tiegħu. Qerq li jinkixef minn kliem Busuttil stess meta sostna li “kull min jaqla’ €20,000 se jiffranka €1,185 fis-sena”. Fil-verità, dawk fuq komputazzjoni miżżewġa u li jikkwalifikaw għal din il-miżura jiffrankaw €365 biss, €820 anqas mill-gidba ta’ Busuttil, waqt li dawk fuq komputazzjoni ta’ ġenituri jiffrankaw €290 anqas minn dak li wiegħed Busuttil. Dan il-qerq, jew inkompetenza qawwija, kompla joħroġ fil-wegħdi kollha ta’ Busuttil, li bbaża kollox fuq kategorija waħda f’attentat iddisprat biex jerbaħ il-voti.
Ħaġa waħda hi ċerta f’dan kollu: lil Simon Busuttil ma tistax tafdah Prim Ministru. Busuttil mhux biss jipperikola s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna, iżda hu ta’ periklu ukoll għall-qagħda finanzjarja b’saħħitha tal-familji tagħna.
Busuttil bl-aktar wegħda rigressiva fl-istorja
Jekk li qarraq bil-familji u l-ġenituri waqt li ħalla lil ħaddiema bi qligħ baxx b’xejn, ma kienx biżżejjed, Simon Busuttil irid joħloq diskriminazzjoni ukoll bejn is-self-employed. F’wegħda deskritta bħala l-aktar miżura rigressiva li qatt ġiet proposta fl-istorja fiskali ta’ pajjiżna, Simon Busuttil irid jiddistingwi bejn self-employed u ħaddiema li jaqilgħu l-istess. Wegħda mhux ikkalkulata li tkisser il-ġustizzja soċjali u li jkollha impatt negattiv ħafna fuq is-settur pubbliku u dak privat.
Iswed fuq l-abjad, Busuttil qed jipproponi li min jaħdem u jaqla’ sa €20,000 iħallas 10% taxxa, waqt li l-istess taxxa tapplika għal self-employed bi dħul iddikjarat ta’ €50,000. Xi jfisser dan fil-ħajja ta’ kuljum? Ifisser li tabib li jaħdem mal-Gvern jew ma’ sptar privat iħallas aktar mid-doppju f’taxxa minn tabib li jaħdem għal rasu. Bl-aktar mod sfaċċat, din il-wegħda ta’ Busuttil tmur kontra l-prinċipju fundamentali tal-istess ħlas għall-istess xogħol.
B’dak li qed iwiegħed Busuttil, jibda jkollna sitwazzjonijiet perversi fejn min iħaddem iħallas inqas taxxa mill-impjegati tiegħu, anke jekk dan jaqla’ bil-wisq aktar. Dan għaliex ma’ Simon Busuttil, ħaddiem li jaqla’ aktar minn €20,000 iħallas 25% taxxa, waqt li min iħaddmu u jaqla’ aktar mid-doppju tiegħu jħallas biss 10% f’taxxa. Eżempju prattiku hu dak ta’ infermiera li taħdem ma’ konsulent fi klinika privata. Jew skrivan li jħallas aktar taxxa mill-avukat li jħaddmu. Din hi l-politika ta’ Simon Busuttil. Politika rigressiva li mill-aqwa fl-Ewropa, tagħmilna l-ewwel pajjiż fid-dinja fejn min iħaddem iħallas inqas taxxa mill-impjegati tiegħu.
Iħarbat pajjiż
Minbarra li toħloq diskriminazzjoni, din il-wegħda kapaċi twassal biex għadd ta’ professjonisti jitilqu minn mal-kumpaniji privati jew mis-settur pubbliku għad-detriment tal-istess kumpaniji u ta’ dawk kollha li kienu jużaw is-servizzi tagħhom. Dan sakemm ma jkunx hemm żieda sproporzjonata fil-pagi li tista’ tikkrolla l-ekonomija suċċess li bena dan il-Gvern. Possibbiltà oħra hi li l-professjonisti jkunu dikjarati self-employed għall-fini biss tat-taxxa, f’riskju ċar li jikber in-numru ta’ self-employed finta u tiżdied l-evażjoni tat-taxxa.
Din il-miżura għandha l-potenzjal li tkisser il-finanzi pubbliċi b’mod irreparabbli. Għax għall-Busuttil, il-prinċipji tajbin biss għall-propoganda politika, u meta niġu għall-fatti malajr jarmihom ’il barra mit-tieqa. Sintomu ta’ mexxej klassist u inkompetenti għall-aħħar.
L-għażla qatt ma kienet daqstant ċara. Għażla bejn min hu mnebbaħ mill-prinċipju tal-ġustizzja soċjali, u min iggwidat mill-kilba għall-poter. Bejn min irid li jkompli joħloq il-ġid u jqassmu lil kulħadd, u min qed jogħrok idu biex iberbaq is-surplus anke jekk ipoġġi l-ekonomija tagħna fl-ITU. Għaliex jekk m’għandu xejn, Busuttil espert fejn jidħol id-dejn u l-infiq sparpaljat. Kien hu u l-Gvern Nazzjonalista li poġġew lil pajjiżna fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv. Kien Busuttil u l-Partit Nazzjonalista li kissru l-Air Malta u ħallew l-Enemalta b’biljun ewro dejn, f’xifer ta’ falliment. Kien Busuttil u l-Gvern preċedenti li għollew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma waqt li hu u sħabu ffangaw b’żieda ta’ €500 fil-ġimgħa. Lil min tafu, tistaqsix għalih, u lil Simon Busuttil ma tistax tafdah.
Muscat ifisser suċċess
Huwa biss b’Joseph Muscat fit-tmun li nistgħu nibqgħu mixjin f’din it-triq ta’ suċċess. Triq ta’ suċċess fejn il-ġid jilħaq lil kulħadd, u fejn kulħadd jista’ jimxi ’l quddiem. Huwa biss Joseph Muscat li jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tagħna biex aħna lkoll nirrealizzaw din il-ħolma Maltija. Wasalna biss nofs triq, u b’Joseph Muscat Prim Ministru, l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej!
BUSUTTIL PERIKOLUŻ
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna spjega fid-dettall kif il-proposti tal-Partit Nazzjonalista mhumiex studjati u kkalkulati sew u se jwassluna għall-kriżi finanzjarja, b’Malta tispiċċa lura fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv.
Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li se jnaqqas it-taxxa tas-self-employed u tal-part-timers għal 10%; miżura stmata li tiswa €85m fis-sena però fil-verità se tqum €120m.
Dan il-Gvern diġà esperjenza sitwazzjoni simili meta żamm il-wegħda tal-Gvern Nazzjonalista ta’ qablu li jnaqqas it-taxxa. Dik il-proposta ġiet tiswa €42m u ddaħħlet fuq perjodu ta’ 4 snin għax il-pajjiż ma kienx jiflaħ. Allura dan jitfa’ dubji serji kemm din il-miżura li saret mingħajr konsultazzjoni hija sostenibbli. Apparti hekk din il-proposta hija rigressiva, il-professjonisti li jifilħu l-aktar se jibbenefikaw l-aktar.
Il-benefiċċju taċ-childcare iddaħħal minn dan il-Gvern biex iservi ta’ inċentiv sabiex min hu fuq il-benefiċċji soċjali jmur jaħdem u joħroġ mir-riskju ta’ faqar. B’dak li qed iwiegħed Simon Busuttil dan jispiċċa u jżid l-ispiża fuq in-nefqa tal-Gvern b’€53m u fuq kollox iħott dak kollu li nbena.
Il-miżuri marbuta mal-pensjonjiet ukoll mhumiex ikkalkolati tajjeb. Il-Partit Laburista qiegħed jipproponi miżuri sostenibbli u studjati sew li se jitwettqu fuq medda ta’ sentejn, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel wegħdi li jiswew miljuni kbar ta’ ewro li se jkissru l-ekonomija ta’ pajjiżna.
“Dak kollu li qiegħed jipproponi Simon Busuttil ifisser waħda minn dawn l-affarijiet; li jkollna defiċit eċċessiv, l-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda jew wegħdi li ma jitwettqux. Simon Busuttil tella’ kont ta’ bejn €320m u €340 mingħajr ma studja r-riperkussjonijiet kollha u wettaq ħafna żbalji,” għalaq il-Ministru Edward Scicluna.