Operaturi u sewwieqa li joperaw vetturi żgħar għall-ġarr tal-passiġġieri, bħal pereżempju Bolt u Uber, għandhom sat-23 ta’ Lulju biex jirregolarizzaw irwieħhom ma’ kundizzjonijiet ġodda skont il-liġi.
Fost oħrajn, l-operaturi jridu jissottomettu rapport tal-perit li jikkonferma li għandhom garaxx jew spazju privat għall-użu esklussiv tagħhom, meta japplikaw għal liċenzja jew iġġedduha. Huwa biss f’dawn il-postijiet li għandhom jipparkjaw il-vetturi tagħhom waqt li ma jkunux qed jintużaw. B’hekk, se jkun hemm aktar spazji tal-parkeġġ disponibbli fit-toroq.
Dawn is-sewwieqa se jkunu jistgħu jipparkjaw legalment fit-triq sa siegħa, billi jużaw parking disc. Jekk ikunu pparkjati fit-triq bis-sewwieq fil-karozza, se jkunu eżenti mir-restrizzjonijiet tal-ħin.
Fiż-żewġ istanzi, però, iridu jżommu distanza stabbilita minn stands tat-taxis oħra u mill-waqfiet tal-karozzi tal-linja. Dan jiżgura fluss aktar effiċjenti tat-traffiku.
Operaturi u sewwieqa ta’ dawn is-servizzi mhux se jibqgħu obbligati li jirritornaw fil-garaxx jekk ikunu disponibbli għall-ibbukkjar matul il-ħinijiet tax-xogħol tax-xufier. Dan ifisser li se jkunu aktar disponsibbli għall-passiġġieri u jonqos it-tlajjar mill-garaxx għaż-żona fejn hemm il-passiġġieri.
Transport Malta qalet li dawn il-bidliet fil-liġi huma intiżi biex jiffaċilitaw il-ħtiġijiet li qed jevolvu, kemm tal-operaturi kif ukoll tal-passiġġieri.