L-ispins tal-Partit Nazzjonalista juru biċ-ċar kif huwa Partit mhedi fil-passat u m’għandux ideat għall-futur.
Saħaq dan il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija fejn innota kif il-Prim Ministru kien ċar kristall u trasparenti meta minn jeddu ta dettalji lill-ġurnalisti dwar affarijiet li huma pubbliċi.
Dan fid-dawl li l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija pprova jdaħħal dubji dwar konvenju li kien involut fih il-Prim Ministru Robert Abela fil-passat u li dwaru l-Prim Ministru diġà tkellem b’mod trasparenti mal-midja.
Il-Partit Laburista qal, “Jekk hemm xi ħadd li evada t-taxxa bil-provi huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech. Il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa tax evader professjonali.”
Hawnhekk fakkar kif il-Kap Nazzjonalista għadu sal-lum lanqas iddikjara minn fejn ġab l-eluf ta’ ewro biex iħallas minn lejn għal nhar meta nqabad u ried jidħol Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech bħad-Deputat ewlieni tiegħu Jason Azzopardi għamel dikjarazzjonijiet tat-taxxa foloz fejn qal li ma jaqla’ xejn mill-professjoni tiegħu u bagħbashom biss wara li nqabad. L-istess għamel id-Deputat Beppe Fenech Adami li qatt ma laqa’ l-isfida għal tax audit.
“U dawn huma biss tliet eżempji. Il-problema mhux ta’ min ħadem u ddikjara t-taxxa, imma ta min gerfex u evada t-taxxa. U dawn in-nies qegħdin fil-kontroll tal-Partit Nazzjonalista.” temm jgħid il-Partit Laburista.