F’April li għadda l-kontijiet tad-dawl raħsu wkoll għan-negozji. Permezz ta’ dan ir-roħs ta’ 25% ġie njettat mal-ħamsin miljun ewro fl-ekonomija.
L-aġenzija internazzjonali tar-rating tal-kreditu, Standard and Poor’s ikkonfermat li riżultat tat-trasformazzjoni fis-settur tal-enerġija, it-tariffi tad-dawl huma inqas mill-medja Ewropea.
L-istatistika tal-Eurostat turi wkoll kif f’pajjiżna, madwar 90% tan-negozji jużaw anqas minn 20 Megawatt fis-siegħa. Li jfisser 12% orħos mill-medja Ewropea. Fl-2012, ir-rata kienet 13% ogħla minn din il-medja.
10% tan-negozji Maltin jikkunsmaw bejn 20 u 500 megawatt fis-siegħa. Fil-kategorija ta’ kumpaniji akbar, ir-rata fis-siegħa ta’ kilowatt hija 7% orħos mill-medja Ewropea. Fl-2012, ir-rati kienu 24% aktar għoljin mill-medja Ewropea.
Fi stqarrija, l-Gvern spjega li l-istatistika tal-Eurostat turi wkoll li l-prezzijiet li qed iħalsu kumpaniji kbar (0.5% tal-kumpaniji Maltin) huma fil-medja Ewropea. Wieħed irid jinnota li huwa normali li l-konsumatur domestiku jħallas tarriffi orħos min-negozji u li dan jiġri f’pajjiżi Ewropej oħra.
It-tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku f’Malta kienu wkoll kkumplimentati bi pjan ta’ investiment ta’ €80miljun, li rriżultaw fi tnaqqis ta’ 80% fil-qtugħ tal-provvista tad-dawl meta kkumparat mal-2012.