Tarbija minn Lewisville, Texas, twieldet darbtejn. Dan għax ħarġuha minn ġuf ommha għal għoxrin minuta, f’intervent li salvalha ħajjitha.
Meta kellha 16-il ġimgħa tqala, l-omm Margaret Hawkins Boemer skopriet li bintha, Lynlee Hope, kellha tumur fl-ispina ta’ daharha. Dan it-tumur (sacrococcygeal teratoma) kien qed iżomm id-demm milli jilħaq il-fetu, u b’hekk kien kbir ir-riskju li Lynlee issofri minn attakk tal-qalb fatali.
Meta kirurgi fetħu ġuf l-omm, it-tarbija kienet tiżen biss 0.53 ta’ kilogramma. It-tumur u t-trabija kienu kważi l-istess daqs. L-omm diġa’ kienet qed tistenna tewmin, iżda waħda mit-trabi mietet fi stadju bikri. Qabel għamlet l-intervent fuq Lynlee, ingħatat il-parir li ttemm it-tqala kompletament.
Kien hemm 50% ċans li Lynlee titlef ħajjitha. “Kienet deċiżjoni faċli għalina: ridniha tgħix” stqarret l-omm mal-BBC.
Meta sar l-intervent fuq Lynlee, qalbha waqfet naturlament, iżda speċjalist tal-qalb żammha tħabbat sakemm reġgħat sabet ruħha f’ġuf l-omm.
L-omm għamlet 12-il ġimgħa ta’ mistrieħ fis-sodda, qabel imbagħad it-tarbija twieldet b’Ċesarja nhar is-sitta ta’ Ġunju – wara kważi terminu sħiħ ta’ tqala.
Hawn tidher flimkien ma’ ommha u ħutha.