It-Taqsima tar-Riċerki fi ħdan l-Aġenzija Identità bdiet topera minn binja ġdida, li hi aktar adegwata u mgħammra aħjar għall-impjegati u l-klijenti tagħha.
Din ir-rilokazzjoni saret minħabba li l-binja li minnha kienet qed topera t-taqsima ma baqgħetx f’kundizzjoni xierqa biex taqdi l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet mistennija minnha. L-uffiċini l-ġodda huma ftit passi biss ’il bogħod minn fejn kienet qed topera din it-taqsima, fi Triq l-Arċisqof, fil-Belt Valletta, stess.
Il-funzjoni prinċipali tat-Taqsima tar-Riċerki hi li tipprovdi riċerki uffiċjali fuq individwi u entitajiet b’konnessjoni mar-reġistrazzjoni tan-noti dwar it-trasferimenti inter vivos kif ukoll causa mortis, ta’ proprjetà immobbli u r-reġistrazzjonijiet ta’ noti ta’ ipoteki u ta’ privileġġi li permezz tagħhom jiġu stabbiliti obbligi bħal self u ħlas ta’ ċnus.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità Malta, il-Kulunell Mark Mallia, qal li din ir-rilokazzjoni hi xhieda tal-impenn li l-aġenzija għandha, li tpoġġi lill-klijent fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni u li tħares l-interessi tal-ħaddiema tagħha.
Qal, “Dak li qabel kien uffiċċju mhux idoneu kemm għall-istaff tagħna kif ukoll għall-klijenti tagħna, illum ftaħna uffiċċju ġdid, li jaqdi dmiru ġdid bl-aktar mod effiċjenti u bl-aktar mod effettiv.”
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, spjega li matul is-sena l-oħra saru aktar minn mitejn elf talba għar-riċerka u kważi ħamsin elf nota li ġew ipproċessati minn din it-taqsima.
Dan jixhed l-importanza li din it-taqsima għandha fi ħdan is-soċjetà Maltija.
Qal, “Proċess li mhux biss joffri servizz aħjar minn dawn il-premises, imma wkoll naraw li fiż-żmien li ġej ikun hemm diġitalizzazzjoni tal-parti tar-riċerki.”