It-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit fil-Korp tal-Pulizija issa għandha flotta ġdida ta’ vetturi sabiex jgħassu u jassistu t-toroq Maltin u Għawdxin.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġew ippreżentati 20 vettura ġdida mgħammra b’faċilitajiet apposta biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-uffiċjali tal-Pulizija.
Dwar dawn il-vetturi, li mil-lum se jibdew iduru t-toroq Maltin u li waslu b’investiment ta’ €900,000, tkellimna mal-Ispettur Antoine Cilia.
Huwa spjega l-karatteristiċi differenti ta’ dawn il-vetturi fosthom kompartament li jifred lill-persuni arrestati fil-vettura mill-uffiċjali.
Huwa stqarr: “Hemm kompartiment li qed jifred il-Pulizija mill-persuna arrestata u bħala vettura hija aktar b’saħħitha minn dik li għandna llum. Għamilna avvanz kemm fin-naħa ta’ beacon lights u sireni u kif ukoll fis-saħħa tal-magna tal-vettura. Kif issemma diġà tajjeb ukoll il-vetturi huma automatic jiġifieri qed tipprovdi iktar kumdità lill-Pulizija qegħdin fiha.”
Spjega wkoll il-ħsieb wara din id-dehra ġdida ta’ dawn il-vetturi: “Il-livery li għandhom jidhru iktar viżibbilment. Bil-lejl ukoll huma reflective ukoll u allura hemm iktar sigurtà għall-Pulizija jekk speċjalment inkunu waqt xi roadblock għalkemm dejjem il-karozzi ħa jkunu mgħammra bil-beacon lights mixgħewlin u ħa tingħaraf aktar malajr.”
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà tenna kemm hija essenzjali din it-taqsima li tkun minn tal-ewwel li tassisti fuq il-post.
Il-Kummissarju tal-Pulizija tenna wkoll li l-ambjent ta’ dawn l-uffiċjali hija essenzjalment il-karozza nnifisha u għalhekk l-importanza li dawn ikunu komdi għalihom hekk kif ħafna drabi jqattgħu ġurnata sħiħa ta’ xogħol fihom.
Il-Kummissarju Gafà qal ukoll kif dan l-investiment jagħmel parti minn trasformazzjoni totali tal-Korp tal-Pulizija. Spjega li mill-2017 lil hawn sar investiment ta’ €3 miljun fil-flotta kollha tal-Korp tal-Pulizija.
Temm jgħid li anke s-sewwieqa ta’ dawn il-vetturi se jibqgħu jiġu mħarrġa minn esperti barranin sabiex apparti li jieħdu ħsieb il-vetturi, jaslu fuq il-post fl-inqas ħin possibli.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri elenka l-investiment massiċċ li sar fl-aħħar żmien sabiex il-Korp tal-Pulizija jibqa’ jiġġedded.
Tenna kif dan l-investiment qed jibqa’ jassigura Korp tal-Pulizija effettiv li jwassal għall-aqwa riżultati.
Huwa qal, “Kontinwament qed nuru li bħala Gvern impenjati sabiex inkomplu ninvestu u nagħtu l-aqwa servizz fejn jidħol is-sigurtà ta’ pajjiżna. Il-Korp tal-Pulizija permezz ta’ din it-taqsima, l-RIU ikun jeħtieġ li jasal fuq il-post u jagħti l-aqwa servizz possibli fi ftit sekondi.”