Mindu twaqqfet it-Taqsima Kontra l-Vjolenza Domestika daħlu mal-2,300 rapport ta’ vjolenza domestika, u fil-Qorti nħarġu erbat elef u disa’ mitt akkuża relatati ma’ dawn ir-rapporti.
Dan skont numri li kiseb dan l-istazzjon, fejn ingħata rendikont tan-numru ta’ każijiet mindu twaqqfet din it-taqsima f’Ottubru tal-2020.
Fid-dawl ta’ din ir-rata sinifikanti ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika, ONE News tkellem mas-Supretendent Johann Fenech fi ħdan din it-taqsima, fejn spjega l-ħidma tagħha.
Huwa spjega kif it-taqsima ġiet magħmula b’tali mod li kull tip t’għajnuna li jkollhom bżonn il-vittmi tal-vjolenza domestika, jinsabu taħt saqaf wieħed, tant li t-taqsima għandha kamra għat-tfal sabiex il-vittmi ma jħallux tfal id-dar waqt ċirkostanzi diffiċli.
Is-Supretendent Fenech qal li r-rata għolja ta’ dawn ir-rapporti jista’ jkollha diversi raġunijiet, b’waħda minnhom tkun il-pandemija, fejn il-ħin li koppji u familji jqattgħu flimkien kien itwal, u allura l-probabbiltà ta’ kunflitti jkun ogħla.
Fattur ieħor, spjega Fenech, kienet l-aċċessibilità tal-għajnuna għall-vittmi.
“Din l-iskwadra hi speċjalizzata, jiġifieri naħseb jien mindu waqqafna din l-iskwadra fl-2020, peress li hija skwadra speċjalizzata, bin-nies speċjalizzati apposta għal dawn ir-rapporti u jinvestigaw dawn it-tip ta’ każi, il-post fejn qiegħed u dak li jkun meta jiġi jagħmel rapport, se jsib l-għajnuna kollha f’post wieħed, naħseb jiffaċilita lil dak li jkun biex jagħmel rapport.”
Is-Supretendent Fenech għalaq b’appell għal kull min xi darba jinsab taħt ċirkostanzi koroh f’daru stess minħabba l-vjolenza domestika.
“Jien l-appell li dejjem nagħmel hu li wieħed m’għandux jaqta’ qalbu biex jagħmel rapport, wieħed m’għandux jaqta’ qalbu biex jagħmel rapport. Wieħed m’għandu ebda dritt li jibqa’ jbati fis-skiet jew inkella jħossu jibża’, għandna l-mezzi kollha biex ngħinu lil dak li jkun. Entitajiet u NGOs hawn ħafna, bħal Legal Aid Malta u Victim Support, imbagħad hawn aħna. Jien nemmen li l-akbar ostaklu hu meta wieħed jiġi biex jagħmel rapport.”