Is-serata tal-Grammy Awards għaddiet u filwaqt li ħafna stazzjonijiet għadhom qed jiċċelebraw il-kisbiet ta’ Beyoncé u Kendrick Lamar, l-attenzjoni fuq il-midja soċjali madwar id-dinja qed tiffoka fuq dak li ġara fuq it-tapit l-aħmar ftit tal-ħin qabel.
Filwaqt li ġeneralment wieħed ikun qiegħed jistenna biex jara l-ilbies elaborat u spettakolari tal-artisti, speċjalment dawk nisa, l-edizzjoni ta’ din is-sena wisq probabbli se tibqa’ mfakkra għan-nuqqas ta’ lbies.
Kanye West u martu Bianca Censori waslu fuq it-tapit l-aħmar u ċertament li ġibdu l-attenzjoni hekk kif Censori tefgħet il-kowt li kellha fuqha mal-art biex ippużat b’libsa qasira trasparenti għal kollox. Jidher li din il-mossa saret f’attentat li tirriproduċi l-qoxra tal-album Vultures li fih Censori tidher minn darha għarwiena b’biċċa drapp żgħira tattila l-warrani.
Iż-żewġ artisti, li ma kienux mistiedna għas-serata, telqu ’l barra mill-ewwel wara din l-istunt publiċitarja.
Minn naħa tiegħu, it-tifel ta’ Will Smith Jayden, għalkemm mhux daqshekk awdaċi, ukoll ġibed l-attenzjoni meta attenda għall-unuri libes kastell fuq rasu. Dan il-kostum mar virali fuq il-midja soċjali fejn ħafna ma tilfux ħin sabiex iwaqqaw għaċ-ċajt din l-għażla b’diversi battuti.
Jidher li din il-biċċa arti oriġinali kienet iddisinjata minn ABODI u ġġib l-isem ta’ ‘Vampire Castle’ u jekk hemm xi ħadd li tinterressah għall-karnival li ġej din tista’ tinxtara minn fuq is-sit tagħhom għal $4,500.