Sa fl-aħħar il-poplu ta’ Birżebbuġa u r-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta sabu Gvern li qed jisma’ l-karba tagħhom u jieħu azzjoni. Wara l-għeluq tal-powerstation tal-Marsa u l-bini ta’ powerstation ġdida ġewwa Delimara li taħdem bil-gass naturali, ftit tal-jiem ilu assistejna għall-iżmantellar ta’ wħud mit-tankijiet tal-ħażna tal-fuel ġewwa Birżebbuġa, fl-impjant bl-isem tal-“31 ta’ Marzu”, mgħaruf aħjar mir-residenti bħala “tax-Shell.”
Dan l-iżmantellar, u eventwalment l-għeluq tal-impjant, kienet wegħda li semma il-Partit Laburista sa mill-bidu nett tal-leġiżlatura tiegħu, u li issa qed narawha titwettaq. Bħalma bosta jafu, dan l-impjant ilu hemm għal diversi snin u serva l-funzjoni tiegħu iżda wasal iż-żmien li nħarsu lejn l-impatt li qed iħalli fuq il-lokalità u dawk kollha li jżuru l-inħawi.
L-impjant huwa mdawwar mir-residenzi, b’footprint enormi li, minħabba t-tip t’operat huwa ta’ periklu kbir kif ukoll qed iħalli impatt ambjentali ħażin t’irwejjaħ, u seepage ta’ żejt fil-blat, li saħansitra joħroġ lejn il-baħar!
Medda t’art bħal dik ta’ madwar 38,000 metru kwadru hija rigal lejn il-poplu li jkun jista’ jerġa jgawdiha kif ukoll rebħa għall-ambjentalisti ġenwini.
Kif qed insemmi l-ambjentalisti, nixtieq nagħmel dan l-ispunt – fejn huma dawk l-ambjentalisti li jippuppaw sidirhom u jħabbtu fuq qalbhom dwar issues oħra (ħafna drabi politiċizzati)?
Alla jbierek, qatt, qatt u qatt, ma lissnu kelma dwar l-abbuż li sfat minnu Birżebbuġa u l-attenzjoni li jistħoqqilha, jew tal-inqas dwar il-proġetti li qed jerġgħu jgħatu dinjità liż-żona tan-Nofsinhar.
Isir ħafna storbju fuq dubbiena, iżda fuq il-ħsara li dan l-impjant qed jgħamel u għamel għal diversi snin, flimkien ma impjanti oħra indsutrijali, ma jintqal xejn. Umbgħad niskantaw meta wieħed jistaqsi verament x’aġenda għandhom jew il-kreddibilità tagħhom!
L-għeluq ta’ dan l-impjant se jġib miegħu thinking and operational-shift fil-mod ta’ kif isiru l-affarijiet f’pajjiżna. Il-Gvern, flimkien mal-Enemed huma lesti li jbiddlu l-operat tagħhom sabiex is-saħħa taċ-ċittadini tieħu prijorità. Filfatt, l-Enemed se tirrinuzja l-bunkering li qed isir ġewwa Ħas Saptan sabiex dak l-istess sit jibda jintuża għall-ħażna tal-fuels lokali minflok dak preżenti fl-impjant ta’ Birżebbuġa. Dan it-tibdil juri li l-ħidma fuq din il-wegħda ilu għaddej u kollox qed isir abbażi ta’ pjan serju u b’viżjoni. Mal-modifikazzjonijiet fit-tankijiet taż-żona ta’ Ħas Saptan, se jsir ukoll it-tindif tal-impjant li l-Enemed għandu ġewwa Wied Dalam, li umbgħad isir park naturali – żona oħra li se tingħata lura lill-pubbliku sabiex ikun jista’ jgawdiha. Kelli l-okkażżjoni nitkellem mal-Ministru Konrad Mizzi waqt il-programm ‘Pjazza’ fejn semmejtlu, kemm live kif ukoll b’kameras mitfija, il-potenzjal u r-rikkezza storika li għandu dak il-Wied kif ukoll issuġġerejtlu sabiex il-Gvern iħares lejn proġett ħolistiku li jinkorpora żoni storiċi li jħaddan fih l-istess wied.
Apparti ż-żona tal-impjant ta’ Birżebbuġa hemm żoni oħra li għandhom bżonn ħafna attenzjoni wara iktar minn tletin sena f’abbandun totali. Dan ma jaqtalix qalbi li nibqa’ naħdem u nressaq ideat sabiex Birżebbuġa terġa tieħu d-dinjità li jixirqilha, l-post li fl-imgħoddi kien mgħaruf għall-ġmiel tiegħu u l-ħafna nies li kien jattira, b’mod speċjali fix-xhur tas-sajf. Birżebbuġa għandha potenzjal li għadu mistur – sta għalina li ngħarrfugħ u nivvalorirzzawh.