It-tanker Armada LNG Mediterrana jinsab fil-port ta’ Marsaxlokk.
Fil-kummenti tiegħu lill-ġurnalisti, il-Ministru Konrad Mizzi fisser kif dan huwa mument storiku għal pajjiżna. Il-qalba mill-aktar żejt li jniġġeż għall-gass, hija wegħda elettorali oħra mwettqa mill-Gvern.
Il-Ministru spjega li l-kostruzzjoni tal-qalba għall-gass hija kompluta u li issa se jkunu qed isiru numru ta’ testijiet ta’ sigurta’. Il-Ministru Konrad Mizzi fisser kif l-informazzjoni kollha se tkun ippublikata.
Numru ta’ testijiet u simulazzjonijiet, kkordinati bejn ElectroGas, BumiArmada u l-Awtoritajiet tal-Port, se jissoktaw għal diversi jiem sakemm it-tanker jimtela’ bil-merkanzija. It-tanker imbagħad jerġa’ jittieħed ‘il barra mill-kosta Maltija.
Jissoktaw ukoll it-testijiet b’rabta mal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija li jagħmlu l-proġett tat-tanker wieħed temporanju.
It-tanker Armada LNG Mediterrana, li jesa’ madwar 125,000 metru kubu ta’ LNG, huwa l-aħħar element tal-proġett tal-bini ta’ power station ġdida.