Inkjesta interna li nħatret wara li intużat il-mediċina Oseltamivir (Tamiflu), wara d-data ta’ użu tagħha fl-isptar Mater Dei, sabet li din il-mediċina kienet għadha effettiva.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar dan fil-Parlament waqt Stqarrija Ministerjali li fiha ta rendikont ta’ żewġ inkjesti li ġew appuntati fi ħdan id-dekasteru tiegħu.
Fil-każ tat-Tamiflu, l-inkjesta kkonkludiet li l-analiżi li għamlu t-tobba dwar il-mediċina Tamiflu kienet analiżi korretta. Għalkemm kienet taqbeż id-data indikata għall-użu, il-mediċina ma kinetx skaduta u salvat il-ħajjiet.
Dan ġie ppruvat minn testijiet xjentifiċi li saru fuq l-istess mediċina. Analiżi minn laboratorju ċertifikat u independenti li juri illi l-batch tal-medicina Oseltamivir (jew kif inhi maghrufa Tamiflu) li ntużat fil-każ imsemmi kienet b’96.5% effikaċi u kellha impuritajiet ta’ 0.29%.
Il-livelli aċċetati biex mediċina titqies tajba għall-użu huma ta’ mhux anqas minn 90% ta’ effiċjenza u mhux aktar minn 3.0% ta’ impuritajiet. Din l-analiżi saret fis-16 ta’ Diċembru 2016 fuq pilloli tal-istess batch minn dawk użati fil-każ investigat u li allura turi li l-mediċina użata kienet għadha sikura u effettiva.
Il-bord tal-inkjesta iddentifika xi proċeduri amministrattivi li jistgħu jiġu msaħħa biex il-proċess ta’ xiri jimxi aħjar. Il-Ministru ta’ struzzjonijiet biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-bord jiġu implimentati.
Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, tkellem ukoll dwar l-inkjesta li kienet ġiet appuntata dwar l-elezzjonijiet ta’ infermiera għal fuq il-Kunsill tal-Infermiera u Qwiebel li saru f’Awwissu 2016.
F’dan il-każ, l-inkjesta indipendenti sabet li ma kien hemm ebda prattika frodolenti, u li l-firem tal-uffiċjali fuq il-poloz tal-voti kienu oriġinali u li ebda firma ma ġiet fotokopjata. Għaldaqstant ma kienx hemm bażi fuq hiex ir-riżultat tal-elezzjoni m’għandux jibqa’ japplika.