L-Unjoni Ewropea mhix sempliċiment Brussel, Strasburgu, jew l-istituzzjonijiet il-kbar, iżda l-ewwel u qabel kollox hija l-ħolm, l-aspirazzjonijiet, it-tamiet, u l-biża’ ta’ ħames mitt miljun ċittadin. U issa tinsab f’kapitlu deċiżiv dwar l-aħjar triq ‘il quddiem għaliha.
Dan kien is-sentiment li bih id-Deputat Prim Ministru Louis Grech tkellem waqt dibattitu parlamentari fi Strasburgu. Preżenti għal dan kien hemm ukoll il- Parlament Ewropew Antonio Tajani, il-president tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u il-Prim Ministru Taljan Paolo Gentiloni.
Id-Deputat Prim Ministru qal li id-diskussjonijiet li qed timbotta l-Presidenza Maltija ma jistgħux ikunu mxekkla minn sfidi bħal Brexit, minkejja li din tal-aħħar hija kwistjoni kruċjali li l-Ewropa qed taffaċċja.
Fakkar kif it-tema ReUnion għandha tibqa’ il-prijorita. Tema kruċjali għad-diskussjonijiet li mistennija jkomplu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea li bħalissa għaddeja minn bidla storika.
Fi kliemu: “hu mistenni li mhux kulħadd ħa jaqbel x’tip ta triq irridu nieħdu. Imma ma jistax ikun hemm iktar diviżjoni, ma jistax ikun hemm opinjonijiet li jnaqqru l-unità Ewropea”.
Żied jgħid li din l-Ewropa tkun kredibbli biss jekk timplimenta d-deċiżjonijiet meħuda fl-ogħla istituzzjonijiet. Grech qal b’wiċċu ‘l quddiem li l-mexxejja verament jemmnu f’Ewropa aħjar li tista’ tiggwadanja l-fiduċja taż-żgħażagħ tagħha.
Ewropa li anke issa, minkejja l-isfidi kollha li ġarbet, għandha l-ingredjenti kollha biex terġa tinbena u tkun iktar b’saħħitha.
“Però rridu Ewropa ukoll li soċjalment tkun responsabbli. Ewropa li eventwalment tati tama u futur liż-żgħażagħ tagħna”.
Waqt id-dibattitu tal-mexxeja saret ukoll referenza għat-Trattat ta’ Ruma, li sittin sena ilu ta bidu għall-Unjoni Ewropea.
Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal li fl-isfond taċ-ċerimonji qariba li se jfakkru dan il-ftehim storiku,il-mexxejja għandhom jirriflettu fuq minn fejn bdiet l-Ewropa, u fejn għandha tasal.