B’€140,000 tlestiet fażi oħra tal-proġett ta’ restawr fil-Berġa tal-Italja fil-Belt Valletta, li kien jinvolvi r-restawr fuq il-faċċata tal-istess Berġa.
Il-bust tal-bronż tal-Granmastru Gregorio Carafa reġa sab postu fuq il-bieb ewlieni tal-Berġa tal-Italja.
Dan ix-xogħol li qed isir bi tħejjija għal meta l-Belt Valletta tkun il-belt kapitali Ewropea fl-2018.
Il-Berġa nbniet fis-seklu sittax biex tospita l-Kavallieri Taljani tal-Ordni ta’ San Ġwann. Fi żmien Gregorio Carafa, għall-ħabta tal-1680, saru tibdiliet għal stil Barokk. Meta l-Ordni tal-Kavallieri telqu minn Malta fl-1798, il-berġa ntużat għal raġunijiet varji: kienet ċentru militari, mużew, skola tal-arti, uffiċju tal-posta, minbarra li opsitat diversi dipartimenti tal-Gvern. Bħalissa minnha topera l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u huwa maħsub li fl-2018 tilqa’ fiha mużew ġdid tal-arti; il-MUŻA.