Fis-sebgħa tal-Ħadd filgħodu l-poplu taljan beda jivvota sabiex jiddetermina liema Gvern se jkun qed imexxih għas-snin li ġejjin. Votazzjoni li set tibqa’ miftuħa sal-ħdax ta’ bil-lejl. Madwar 51 miljun persuna huma eleġibbli li jivvotaw f’din l-elezzjoni ġenerali, li qed issir qabel iż-żmien, wara li l-Prim Ministru Mario Draghi rriżenja f’Lulju li għadda.
L-elezzjoni fl-Italja qed issir f’kuntest ta’ kriżi kbira tal-enerġija u dubji dwar il-futur tal-Italja fl-Unjoni Ewropea.
L-opinjoni pubblika qed tindika li l-Italja se jkollha l-aktar gvern b’politika tal-lemin estrem mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn. Dan ifisser li l-elettorat qed jifavorixxi l-partit Fratelli d’Italia immexxi minn Giorgia Meloni li għandha rabtiet faxxisti.
Jekk l-elezzjoni tintrebaħ mill-partit Fratelli d’Italia u l-alleati tiegħu, l-għażla ta’ min ikun Prim Ministru xorta waħda tibqa’ tal-President Taljan Sergio Mattarella bis-sapport tal-Parlament.
Iżda, hemm possibilità kbira li Meloni tkun il-Prim Ministru l-ġdid għall-Italja, bi tmexxija ta’ Gvern b’koalizzjoni flimkien ma’ Matteo Salvini, li huwa magħruf għall-opinjoni tiegħu dwar l-imigrazzjoni, u l-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi.
Jidher li l-koalizzjoni ta’ Meloni mhix waħda stabbli, hekk kif dik li tista’ tkun il-Prim Ministru l-ġdid tal-Italja mhux qed tara għajn m’għajn ma’ Salvini dwar deċiżjonijiet fuq id-dejn tal-pajjiż, kif ukoll dwar il-pożizzjoni tal-Italja dwar ir-Russja.
Fil-fatt, Meloni taqbel mas-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja, iżda Salvini insista li dawn għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati.
Dan il-kuntrast jidher ukoll mal-alleat l-ieħor tagħha, Silvio Berlusconi. Dan tal-aħħar, li huwa ħabib sew tal-President Russu Vladimir Putin, spiċċa fil-mira ta’ kritika qawwija meta qal li Putin ried biss ipoġġi Gvern Ukren magħmul minn nies diċenti minflok il-President Volodymr Zelensky.
Intant, bosta li jsegwu mill-qrib il-politika Taljana qed ibassru turnout aktar baxx mill-aħħar elezzjoni ġenerali fl-2018, jiġifieri inqas minn 73 fil-mija. Fil-fatt, sa nofsinhar ivvotaw ftit aktar minn 19 fil-mija ta’ dawk eleġibbli, persentaġġ simili tal-elezzjoni fl-2018.
Bil-vot tal-lum, it-Taljani se jeliġġu l-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat. Ir-riżultat uffiċjali huwa mistenni li joħroġ it-Tnejn, madanakollu, il-formazzjoni ta’ gvern ġdid se tieħu ġimgħat.
Analisti politiċi qed jgħidu li l-Italja mistennija jkollha gvern ġdid f’nofs Novembru li ġej.