F’edizzjoni speċjali dwar il-problema ta’ qgħad u nuqqas ta’ xogħol diċenti fl-Italja, il-programm investigattiv Taljan ‘Le Iene Presentano Inside’ fuq l-Italia Uno espona realtajiet diffiċli li qed jiffaċċjaw eluf ta’ żgħażagħ Taljani llum il-ġurnata.
Fost oħrajn, il-ġurnalisti Taljani skoprew li żgħażagħ, li spiċċaw mill-iskola, mhumiex isibu impjiegi jekk mhux b’mod illegali jew b’rati miżeri ta’ €5 fis-siegħa u jkollhom jaħdmu sebat ijiem fil-ġimgħa.
Il-programm, li xxandar tard it-Tnejn filgħaxija, imbagħad, sab li dawn qalu li, fis-sitwazzjoni attwali, ma jaqblilhomx joħorġu jaħdmu skont il-liġi, għax inkella jispiċċaw jitilfu benefiċċji soċjali, bħall-għajnuna supplimentari jew l-għotja ta’ ġenituri, li jagħtihom il-Gvern Taljan.
Ġurnalist ta’ Le Iene, li kien qed jintervista żagħżugħ simili, wasal għall-konklużjoni li jaqbel miegħu li tassew jaqbillu jibqa’ jgħix fuq il-benefiċċji soċjali.
Dan kollu jidwi f’sitwazzjoni simili li kienet tikkaratterizza lil pajjiżna sal-2013, fejn mhux biss il-qgħad kien sploda, iżda persuni, li kienu kapaċi jaħdmu, xorta kienu jħossu li aħjar jibqgħu d-dar u jgħixu fuq fil-miżerja bis-supplimentari li kien joffri l-Istat.
Inkella kienu jsibu min iħaddimhom mingħajr ktieb tax-xogħol, avolja ġeneralment jispiċċaw jiġu sfruttati.
Sa dak iż-żmien, taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista, tali sitwazzjoni kienet realtà għal eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin, għax ma kienx jaqbilhom joħorġu jaħdmu kif suppost f’impjieg aktar sigur, diċenti u skont ir-regoli.
U dan f’perjodu li l-piżijiet fuq il-poplu kienu jiġu fl-agħar forma tagħhom, b’kontijiet tad-dawl esaġerati, anke iżjed milli suppost, u benefiċċji limitati ferm aktar mil-lum, fost oħrajn.
Bil-maqlub, mal-bidla fil-Gvern iddaħħlu inċentivi, bħall-In-Work Benefit u t-Tapering of Benefits, li inċentivaw lil eluf joħorġu jaħdmu mingħajr il-biża’ li se jinqatgħulhom il-benefiċċji ħesrem.
Dawn il-miżuri, li għadhom attivi sal-lum u fl-aħħar għaxar snin komplew jissaħħu, ippermettew lil dawk, li kienu dipendenti anke fuq il-benefiċċji soċjali, biex jinqalgħu mis-sitwazzjoni ħażina li kienu fiha u jsibu xogħol skont il-liġi, waqt li l-għajnuna bdiet titnaqqsilhom gradwalment fuq perjodu ta’ tliet snin sakemm iqumu fuq saqajhom.
Nhar il-Ħadd, il-Kap attwali Nazzjonalista Bernard Grech ftaħar bis-sitwazzjoni fi żmien il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi. Għamel dan ukoll ftit jiem biss wara li ssuġġerixxa li l-kontijiet tad-dawl jerġgħu jisplodu għal kulħadd bil-proposta tiegħu li jilliberalizza s-suq tal-elettriku.
F’intervent telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit tiegħu, Grech saħansitra tenna li fi żmien GonziPN iż-żgħażagħ kienu joħorġu mill-edukazzjoni Post-Sekondarja jew Terzjarja bix-xogħol jistennihom wara l-bieb.
Qal, “Tant hu hekk li llum għandek 70% taż-żgħażagħ qed jgħidulna li rridu nitilqu minn pajjiżna, għax mhux jaraw futur f’pajjiżna.”
Hu għamel dan, waqt li qabbel is-sitwazzjoni ta’ għaxar snin ilu mal-lum, fejn skontu ż-żgħażagħ qegħdin jaħarbu mill-pajjiż, għax ma jridux jibqgħu jgħixu hawn b’suppost nuqqas ta’ opportunitajiet f’impjiegi ta’ kwalità.
Qal, “Dawn għamlu kors, daħlu jistudjaw żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Ħarġu mill-Università, ħarġu mill-MCAST u sabu x-xogħol jistennihom. Dak huwa Gvern Nazzjonalista.”
Minkejja dan, kif żvela lbieraħ ONE News, ċifri uffiċjali tal-Eurostat igiddbuh fiż-żewġ istanzi.
Minbarra li llum il-pajjiż jinsab prattikament b’full employment, bl-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja tiegħu ta’ 2.6%, li llum hi wkoll l-inqas waħda minn fost l-istati kollha tal-Unjoni Ewropea, iż-żgħażagħ li jfittxu esperjenza barra l-pajjiż għal xogħol jew studju huma ferm inqas mill-ammont ta’ dawk li jiddeċiedu li jiġu lura wara ftit ta’ żmien.
Dan bil-maqlub għas-sitwazzjoni sal-2013 meta aktar żgħażagħ kienu jitilqu mill-pajjiż, milli jiġu lura.
Ma’ dan, ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru ċar u tond li ż-żgħażagħ li jispiċċaw l-istudji tagħhom illum isibu xogħol ferm aktar qabel mill-2013.
Dak iż-żmien kien hemm rata d-doppju tal-lum ta’ dawk li ma jsibux impjieg mill-ewwel skont l-istudji tagħhom u, minflok, kienu jispiċċaw jagħmlu xogħlijiet li assolutament m’għandhomx x’jaqsmu. It-titjib sinifikanti fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ illum ukoll seħħew minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni minn dak iż-żmien ’il hawn.
Għax il-verità hi l-impjiegi f’pajjiżna fl-aħħar snin żdiedu f’kull settur, inkluż f’nofs l-akbar sfidi li qatt iffaċċjat id-dinja u f’setturi li skont l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienu se jitilqu minn Malta b’saqajhom mal-warrani.
Dan hu rifless ukoll fl-eluf ta’ Taljani stess, li sabu opportunità akbar f’pajjiżna llum il-ġurnata fejn, bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea, għandhom id-dritt jiġu jaħdmu hawnhekk meta jridu.